F’Għawdex il-Prim Ministru Robert Abela inawgura il-proġett massiċċ ta’ 11-il miljun ewro, li se jara l-ewwel impjant tar-reverse osmosis f’din il-gżira.
L-impjant, li jinsab f’Ħondoq ir-Rummien, il-Qala, se jwassal biex Għawdex ikun indipendenti minn Malta fejn tidħol id-distribuzzjoni tal-ilma fid-djar tal-Għawdxin u r-residenti kollha f’din il-gżira.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif dan il-Gvern dejjem emmen f’Għawdex u li minn stat ta’ dipendenza Għawdex issa jrid isir mutur ekonomiku soċjali.
Il-Prim Ministru tenna li jrid lil Għawdex ikun post li fih jibdew it-trasformazzjonijiet tal-pajjiż, anke diġitali u semma kif f’nofs pandemija, l-Gvern investa fit-tieni fibre optic cable.
Huwa tenna l-importanza ta’ dan il-proġett, li kellu jsir malajr favur l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin.
Qal, “Kif tista’ gżira ma tkunx kapaċi tipproduċi ilma biżżejjed għall-popolazzjoni tagħha? Permezz ta’ dan l-impjant, li huwa wieħed mill-iżjed effiċjenti, tista’ tgħid fid-dinja lħaqna. Mhux talli hekk, talli se jkun hemm il-kapaċità, kif spjegat il-Ministru Dalli wkoll, Għawdex jista’, jekk ikun hemm ħtieġa jagħti provvista wkoll lil Malta.”
Il-Prim Ministru ma naqasx li jsemmi kif f’Għawdex isaħħet il-konnettività u għamel referenza għas-servizz tal-fast ferry.
Innota wkoll l-allokazzjoni rekord li l-Budget għas-sena d-dieħla se jagħti lil Għawdex.
Dr Abela qal kif irid lil Għawdex ikun ukoll indipendenti fl-użu tal-provvista tal-elettriku u dan b’enerġija rinovabbli.
Ma naqasx li jsemmi l-qasam tax-xogħol u jinnota l-ħolqien tax-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Ivan Falzon tenna kif erbgħin sena wara li nfetaħ l-ewwel reverse osmosis f’Malta, issa nfetaħ l-ewwel wieħed f’Għawdex.
Qal kif dan hu l-ewwel wieħed li bniet il-korporazzjoni fi tletin sena.
Hawnhekk huwa spjega li f’Għawdex għaddej investiment ta’ għoxrin miljun fil-qasam tal-ilma, u bl-aktar mod ċar appella biex, anke f’din il-gżira, jitnaqqas il-plastik tal-ilma tax-xorb.
Spjega, “Kien jiffoka fuq binja abbandunata għal iżjed minn tletin sena fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien u li ġiet trasformata bl-użu tat-teknoloġija state-of-the-art, tant li qiegħda minn ta’ quddiem fid-dinja, f’dik li hija sostennibiltà, effiċjenza u biddilniha f’reserve osmosis, l-ewwel reserve osmosis, imma l-ewwel reserve osmosis li bniet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.”
Il-Ministru għall-Enerġija u Żvilupp Sostennibbli Miriam Dalli qalet li r-riżultat tal-proġett se jinħass mal-ewwel fost l-Għawdxin, hekk kif se joffri servizz imtejjeb.
B’dan, issa d-djar Għawdxin se jaraw li l-livell ta’ kwalità ta’ minerali fl-ilma li joħroġ mill-vit u għalhekk se jkun tajjeb għax-xorb.
Dr Dalli qalet li f’każijiet ta’ emerġenza, se jkun hemm il-possibiltà li l-ilma anki jiġi ppumpjat lejn Malta.
Intant dan il-proġett huwa ko-finanzjat minn fondi Ewropej u għalhekk fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari responsabli mill-fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li dak li qed naraw illum se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u dawk li jgħixu fuq din il-gżira.
Zrinzo Azzopardi nnota wkoll kif Għawdex ingħata somma rekord ta’ Fondi Ewropej u b’hekk l-investiment mhux se jieqaf hawn.