Ġie inawgurat l-ewwel dipartiment tal-X-Ray ġdid fir-residenza San Vinċenz De Paul, b’investiment ta’ aktar minn miljun u nofs ewro.
Dan id-dipartiment diġitali tal-X-Ray, li huwa mgħammar b’faċilitajiet mill-aktar moderni, se jkunu disponibbli mhux biss għar-residenti, iżda wkoll għal anzjani oħrajn.
Il-magni huma mgħammra bl-aħħar teknoloġija b’emissjonijiet aktar baxxi ta’ radjazzjoni u kompletament diġitali u jiffaċilitaw ix-xogħol għar-radjoloġisti.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan id-dipartiment, il-Kap Eżekuttiv tar-residenza tal-anzjani, Dr Josianne Cutajar spjegat li dan huwa pass ieħor biex San Vinċenz de Paul jiġi stabbilit bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-kura tal-anzjani
Qalet, “Jistgħu jiġu investigati u għandhom jiġu kkurati b’mod immedjat. Barra minn hekk, aħna ser nagħtu din il-faċilità bħala għodda għal professjonisti li minnhom tista’ ssir riċerka fis-settur tal-kura tal-anzjani.”
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li t-taqsima moderna tar-radjoloġija hija kruċjali biex tippromwovi l-mediċina preventiva, tidentifika dijanjosi sa minn kmieni u toffri aċċessibilità għar-residenti tagħha kif ukoll għal anzjani oħrajn.
Qal, “Isiru investigazzjonijiet kollha meħtieġa fejn hemm l-appoġġ kollu għal dawk il-persuni kemm li qegħdin residenti hawn u huma ukoll li huma residenti fid-djar kollha tal-anzjani kollha tal-Gvern, tal-Knisja u tal-privat u eventwalment nestendu servizz għal anzjani kollha fil-komunità.”