Ġiet inawgurata r-residenza Ħolqa, li hi post ġdid fil-Qrendi minn fejn Aġenzija Sapport ser tkun qed twassal servizzi tranżitorji fuq bażi residenzjali. Din l-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Oliver Scicluna.
B’investiment ta’ €1.4 miljun, din il-binja ser tkun tista’ tilqa’ fiha massimu ta’ disa’ persuni b’diżabilità fl-istess perjodu. Dan is-servizz ser ikunu qed igawdu minnu adulti b’diżabilità li wara assessjar dwar il-ħtiġijiet tagħhom, jitħejja pjan b’miri li għandhom bżonn jilħqu sabiex jilħqu livell ta’ għajxien indipendenti.
Ħolqa – isem magħżul għax jirrifletti l-għan li dan il-post għandu għax huwa wieħed minn katina ta’ interventi u programmi oħra biex persuna tkun tista’ tgħix fil-komunità b’mod iżjed indipendenti – ser ikun qed joffri spazju fejn dawn il-persuni b’diżabilità jistgħu jsegwu dan il-programm personalizzat fuq bażi residenzjali għal żmien stipulat skont il-pjan tagħhom. Hawnhekk, dawn il-persuni jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti b’moniteraġġ u gwida minn diversi professjonisti involuti fil-pjan tagħhom sakemm jilħqu l-miri stabbiliti qabel ma jmorru jgħixu lura fil-komunità f’post li jkun diġà ġie determinat minn qabel.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif Ħolqa huwa proġett li se jkompli jgħin persuni b’diżabilità jimxu lejn ħajja indipendenti. “Bħala Gvern se nkomplu noffru kemm hemm bżonn riżorsi favur proġetti ta’ din in-natura għax minnhom qiegħed joħroġ ġid imprezzabbli. L-akbar sodisfazzjon huwa li tara persuna titgħallem u tiżviluppa l-ħiliet tagħha b’tali mod li tkun f’pożizzjoni li tgħix b’mod indipendenti,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Waqt il-ftuħ ta’ Ħolqa, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna ddeskriva dan il-post bħala pass konkret fl-istrateġija tal-aġenzija għall-implimentazzjoni ta’ programmi tranżitorji u li bihom jitwettaq il-pjan ta’ deistituzzjonalizzazzjoni. Scicluna saħaq li l-kunċett ta’ għajxien indipendenti hu dritt tal-persuni b’diżabilità u li programmi bħal dawn jgħinu lill-persuna biex tikseb l-abbiltajiet meħtieġa biex tasal f’punt li tkun tista’ tagħmel affarijiet weħidha jew bi ftit sostenn.
Dan is-servizz ta’ tranżizzjoni jkompli jorbot mal-katina ta’ servizzi offruti minn Aġenzija Sapport li kollha huma msejsa fuq il-kunċett ta’ għajxien indipendenti fil-komunità, bħal servizzi ta’ matul il-jum, servizzi fil-komunità, il-programm Way to Work u s-servizz ta’ Sharing Lives fost oħrajn.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Nancy Caruana u s-Sindku tal-Qrendi David Schembri.