F’Xatt it-Tiben ġie inawgurat l-akbar bastiment tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-P71.
Dan il-bastiment inbena fl-Italja u huwa twil ħamsa u sebgħin metru, u tiflaħ ekwipaġġ ta’ bejn 40 u 60 persuna.
Il-bastiment fisser investiment ta’ €53 miljun, b’kofinanzjament minn fondi Ewropej ta’ €36 miljun.
Il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, Clinton O’Neil, qal li l-inawgurazzjoni ta’ dan il-bastiment huwa importanti, hekk kif din tingħaqad mal-ħidma li ssir mill-Armata mhux biss fuq il-baħar imma wkoll fuq l-art u fl-ajru.
Huwa qal li dan il-bastiment huwa tal-ogħla kwalità u modern, u għandu l-faċilità biex fuqu jinżel ħelikopter.
Il-Kap Kmandant O’Neil qal li dan il-bastiment se jkun qed iżid aktar sigurtà fl-ibħra Maltin, hekk kif se jsaħħaħ l-iskwadra marittima tal-Forzi Armati waqt li tkun qed tissolvelja l-kosta ta’ Malta.
“Huwa l-ikbar investiment kif għedna, li għamilna f’dawn l-aħħar ftit snin, hija patrol boat, offshore patrol vessle mmoderniżżata ħafna, iġifieri għandha kull tip ta’ kommunikazzjoni fuqha, kull tip ta’ multi-role vessle biex inkunu nistgħu nużawh. Għandha żewġ dinghis ukoll ta’ disa’ metri l-wieħed, fejn dawn jistgħu jintużaw għal-ħafna xogħol.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli mill-Intern, Byron Camilleri, qal li din hija waħda mill-isbaħ ġranet għall-Forzi Armati ta’ Malti u turi biċ-ċar il-fiduċja li għandu l-Gvern fil-forzi dixxiplanati.
Il-Ministru Camilleri semma l-ħemel ta’ investiment li sar fil-Forzi Armati, fosthom fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, l-investiment fit-taħriġ tagħhom, u f’aktar għodda moderna għal waqt ix-xogħol tagħhom.
“Dan huwa Gvern illi kontinwament jagħti u jinvesti bla preċedent fil-forzi dixxiplinati ta’ pajjiżna, kemm f’investiment fil-ħaddiem, kundizzjonijiet, salarji aħjar għal-ħaddiema kollha, pero’ anke fl-għodda li huma jużaw. Il-P71 huwa l-akbar investiment mhux biss li qatt sar fil-Forzi Armati ta’ Malta, iżda anke fil-forzi ddixxiplinati kollha, qed nitkellmu fuq valur ta’ €53 miljun.”
Huwa sostna li dan il-bastiment se jsaħħaħ il-ħidma ta’ dan il-korp dixxiplinat.
“Dan il-bastiment se jagħti kapaċitajiet lill-pajjiżna li sa llum ma kellniex. U allura huwa investiment importanti ħafna. Din l-iskwadra importanti ħafna fil-Forzi Armati ta’ Malta, anke fid-dawl li Malta hija gżira mdawwra bil-baħar u l-impenn tagħna huwa li nkomplu ninvestu fihom, għaliex żgur dak li jitolbu minnu mhux biss dawn il-ħaddiema iżda anke l-poplu Malti u Għawdxi.”
Preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Fondi Ewropej, Silvio Schembri, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.