B’investiment ta’ €250,000 minn fondi Ewropej, ġie inawgurat ix-xogħol ta’ restawr fl-Istazzjon antik tal-Ferrovija fil-Ħamrun, li jinsab fi ħdan il-kwartieri ġenerali tal-Ħamrun Scouts.
Fost ix-xogħlijiet li saru, biex dan l-istazzjon jerġa’ jikseb il-glorja tiegħu, il-konservazzjoni u r-restawr biex il-post ikun aktar sigur, attraenti u, kif ukoll, jingħata mill-ġdid il-kulur oriġinali tiegħu. Saret ħidma relatata ma’ soqfa, dwal, art ġdida, tindif ta’ ħitan interni u ħafna aktar.
Dan l-investiment, li ra r-restawr ta’ parti minn storja tant rikka, sar taħt id-direzzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun.
B’rabta ma’ dan, waqt ċerimonja ta’ inawgurazzjoni li saret, tkellimna mas-Sindku tal-lokal, Christian Sammut.
“Forsi ħafna jaħsbu li m’għandniex storja fil-Ħamrun, imma fil-fatt għandna ħafna storja, u bħala Kunsill irridu nieħdu ħsieb li din l-istorja noħorġuha wkoll. Dan hu l-ewwel proġett li għandna hawnhekk, f’dawn l-inħawi, għax għandna l-kumplament irridu nagħmlu restawr tiegħu, għandna wkoll il-kumplament tal-Iscouts, u l-Girl Guides, hu post fejn jiltaqgħu t-tfal ta’ kuljum, u hu post importanti għalina, fejn it-tfal tagħna, filwaqt li jieħdu pjaċir ukoll, jiftakru fl-istorja ta’ dan il-lokal.”
F’ċerimonja ta’ inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, faħħar l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun li, ra li l-poplu jingħata lura l-Istazzjon tal-Ferrovija biex jitgawda mhux biss mill-Ħamruniżi, iżda wkoll minn min għandu għal qalbu l-wirt patrimonjali ta’ pajjiżna.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvernijiet Lokali, Alison Zerafa Civelli, faħħret l-impenn tal-Kunsill biex sar dan il-proġett, filwaqt li spjegat kif dan se jkun jista’ jitgawda anke minn ġenerazzjonijiet futuri.
Is-serata speċjali ngħatat il-ħajja wkoll minn diversi prestazzjonijiet mill-Grupp tal-Ħamrun Scouts.