Ġew inawgurati x-xogħlijiet li saru fl-Għassa ta’ Bormla. L-għassa li tinsab fir-raba’ distrett u hija mifruxa fuq tliet sulari sarilha xogħol ta’ rinovar fil-faċċata kif ukoll ġiet mgħammra b’faċilitajiet għas-sigurtà fosthom ħġieġ protettiv b’investiment totali ta’ €100,000.
Il-Ministru għall-Intern, Michael Farrugia, qal li x-xogħol li sar f’Bormla huwa xogħol li mhux biss jagħti akkomodazzjoni aħjar lill-pulizija li jaħdmu hemm, imma anke għall-komunità li tagħmel użu mis-servizzi fl-għassa. Huwa semma wkoll kif fl-istess waqt se jiżdied ir-riżors uman.
Fost ix-xogħlijiet f’Bormla saru wkoll xogħlijiet fl-għasses tan-Naxxar, Ħaż Żabbar, Birżebbuġa, Ħaż Żebbuġ, il-Qawra u Buġibba. Filwaqt li qed isiru xogħlijiet fuq l-għasses taż-Żurrieq, Raħal Ġdid, San Ġiljan, Marsalforn Għawdex u Tal-Pietà. Dan ix-xogħol ta’ rinovar huwa parti minn investiment li qed jagħmel il-Gvern fil-Korp tal-Pulizija, li mhux biss qed jinvesti fil-vetturi u għodda, imma wkoll fil-pulizija. Il-Ministru Farrugia qal li il-Gvern preżenti trippla l-investiment li għamel Gvern preċedenti fl-aħħar sena.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, qal li dawn ix-xogħlijiet qed itejbu aktar il-kundizzjonijiet li jaħdmu fihom il-pulizija.