Parti miz-zuntier tal-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat ingħatat wiċċ ġdid bħala parti minn proġett jiswa tliet mija u ħamsin elf ewro.
Waqt l-inawgurazzjoni tax-xogħolijiet, ġie spjegat li tpoġġiet sistema ġdida ta’ dawl dekorattiv u tħawlu siġar maturi taż-żebbuġ
Din iż-żona li kienet tintuża bħala trejqa minn bosta Rabtin u turisti kienet fi stat ħażin iżda issa kull min iżurha ser jara pavimentar ġdid.
Qal, “Hawnhekk kellek wiċċi li ma jixraqx mal-madwar u kkonservajna u allura għamilna wiċċ ġdid ta’ pavimentar. Apparti minn hekk issa huwa post iktar sigur fejn mhux qed jitħallew jidħlu l-karozzi f’din il-parti.”
Infrastruttura Malta nstallat sistema ġdida ta’ dawl filwaqt li żarmat l-arkata li tmur lura għas-seklu dsatax u reġgħet bnietha mill-ġdid skont id-disinn oriġinali tagħha.
L-Arċipriet tal-Knisja ta’ San Pawl faħħar ix-xogħol ta’ restawr hekk kif dan iz-zuntier sagru issa għandu wiċċ sabiħ li jikkumplimentah.
Spjega, “Dan huwa zuntier storiku, zuntier tfisser ċimiterju. Dan huwa ċimiterju. Ċimiterju medjevali illi hawn taħt hawn kappelel funebri illi huma antiki ħafna iġifieri huwa post arkeoloġiku. Huwa post qaddis u għalhekk għandu jkun miksi b’mod diċenti kif inhu, kif qegħdin taraw biex ikun denju għal dan il-post sabiħ.”
Din iż-żona mhijiex biss ta’ sinifikat għall-Knisja u l-parroċċa biss, bis-Sindku Rabti jispjega li aktar xogħol se jsebbaħ iż-żona.
Qal, “Din hija l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett kbir. Infatti wara din aħna ħa nkomplu nirrestawraw ħitan u nirrestawraw ukoll partijiet minn dan iz-zuntier prattikament biex nagħmluh ukoll post akkoljenti għar-residenti u għat-turisti.”