Ġie inawgurat titjib fil-faċilitajiet tal-klabb tal-futbol ta’ Fgura United. L-għan ta’ dan l-investiment hu li joffri l-aqwa ambjent lill-isportivi li jagħmlu użu minnhom, b’mod partikolari lil mijiet ta’ tfal li ta’ kuljum, mhux biss jitħarġu fil-futbol, iżda anki jkabbru l-ħiliet soċjali tagħhom.
Dan l-investiment ġie inawgurat mill-Ministru Byron Camilleri u mill-President tal-Assoċjazzjoni Maltija Bjorn Vassallo, flimkien mal-President ta’ Fgura United Larkin Bonnici u membri oħra tal-klabb.
F’din l-okkażjoni, il-President tal-klabb Larkin Bonnici rrikonoxxa l-impenn ta’ tant voluntiera li ta kuljum jaħdmu u sostna li t-titjib fil-faċilitajiet sportivi hu ħolqa fil-katina ta’ xogħlijiet li jsiru minn Fgura United.
Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo feraħ lit-tim ta’ Fgura United għall-impenn tagħhom biex iżommu l-klabb ħaj, li joffri l-aqwa faċilitajiet sportivi, waqt li anki baqa’ jkun innovattiv fl-ideat tiegħu, inkluż fl-oqsma soċjali.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri tkellem dwar kif f’dan il-klabb tal-futbol jispikka ħafna l-aspett soċjali u s-sens qawwi ta’ familja. Il-Ministru Camilleri sostna kif lil hin mir-riżultati fil-kompetizzjonijiet, dan il-klabb għandu jkompli jsaħħaħ l-istrutturi li nbnew fl-aħħar snin biex il-faċilitajiet jibqgħu jilqgħu lil tant tfal u żgħażagħ.