Ġie inawgurat ir-rinnovar, li sar fi Ġnien Vjal de la Cruz, spazju miftuħ ieħor f’Ħal Qormi, fejn il-Kunsill Lokali utilizza skemi maħruġin apposta mill-Gvern biex seta’ jsir xogħol bżonnjuż ta’ tisbiħ. Dan il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €190,000.
Fil-kummenti li tana s-Sindku ta’ Ħal Qormi, Josef Masini Vento, qal li dawn kienu fondi importanti ħafna, hekk kif anke meta jkollhom allokazzjonijiet bħal dawn, dejjem jipprovaw iqassmuhom bl-aħjar mod, b’użu minnhom imur f’riġenerazzjonijiet ta’ ġonna u spazji miftuħin biex igawdu minnhom il-familji kollha.
Rigward dan il-proġett, qal li ġiet mibdula s-sistema tad-dwal kollha, fejn anke ġie miżjud is-saħħa tagħhom biex ikunu jistgħu jinqatgħu l-abbużi, kif ukoll inxtara apparat ġdid li t-tfal jistgħu jilagħbu fuqu, attrezzat b’art tal-lastiku wkoll.
Qal, “Ta’ dan bilfors irridu nirringrazzjaw lill-Gvern ċentrali u lill-Ministeru tal-Kunsilli Lokali li jekk ma jkunx anke s-sapport tagħhom, aħna ċerti proġetti żgur li ma nkunux nistgħu nagħmluhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li kienet preżenti għall-inawgurazzjoni, qalet li l-ispazji rikreattivi u l-bandli huma żoni importanti u essenzjali f’kull komunità, b’mod partikolari f’żoni urbani bħal dik ta’ Vjal De La Cruz f’Ħal Qormi.
Qalet li proġetti bħal dawn jikkumplimentaw il-ħidma tal-Gvern, fl-impenn favur iż-żieda ta’ aktar spazji miftuħa u ta’ rikreazzjoni fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Qalet ukoll kif dawn huma l-kunsilli li n-nies iridu jaraw, li jkunu qribhom u jkunu jafu x’inhuma l-bżonnijiet tagħhom u tal-lokalità.
Qalet, “Il-Gvern hu kommess biex ikompli jkun ta’ spalla, ikompli jagħti l-għodod neċessarji lill-kunsilli lokali biex ikunu r-residenti, fl-aħħar mill-aħħar, li jgawdu minn proġetti bħal dan, ta’ spazji miftuħa, postijiet ta’ rikreazzjoni u ġonna fil-qalba tal-komunitajiet tagħna.”
Għall-inawgurazzjoni kienu preżenti wkoll id-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Emil Vassallo, u diversi membri mill-istess Kunsill ta’ Ħal Qormi.