F’Għawdex ġie inawgurat it-tieni ċentru reġjonali għall-vittmi tal-kriminalità fil-Kunsill Lokali tal-Għarb.
Dan ġie inawgurat mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Dan iċ-ċentru se jintuża għal servizzi legali lill-vittmi.
Dan is-servizz se jkun qed jingħata b’appuntament u l-vittmi jkunu jistgħu jitkellmu ma’ professjonisti legali biex jingħataw għajnuna legali bla ħlas u informazzjoni dwar proċeduri kriminali fil-Qorti.
Dan iċ-ċentru fl-Għarb jingħaqad ma’ dak li nfetaħ fix-Xewkija.
Intqal kif l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità għenet aktar minn mija u erbgħin persuna.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Brian Farrugia sostna li l-aġenzija se tkompli l-proċess biex jissaħħu s-servizz f’Għawdex anki bl- għajnuna ta’ entitajiet pubbliċi u għaqdiet volontarji.
“L-iskop ta’ dan iċ-ċentru li minnu ħa noffru servizz ta’ parir legali b’xejn għar-residenti kollha Għawdxin. B’hekk qed inkomplu l-ħidma tagħna, wara l-ftuħ taċ-ċentru fix-Xewkija, kif ukoll naraw li s-servizz ta’ sapport għall-vittmi tal-kriminalità jmur lil hinn miċ-Ċirkewwa u jolqot lill-gżira Għawdxija wkoll.”
Il-Ministru Byron Camilleri qal li ċ-ċentru fl-Għarb huwa ħolqa minn katina ta’ ċentri oħra li diġà qed joperaw f’Santa Luċija, fil-Qawra u fix-Xewkija.
Il-Ministru Clint Camilleri tenna li b’din l-inizjattiva se jintlaħqu aktar vittmi biex isibu s-sapport li jkun hemm bżonn.