Fil-Jum ta’ Ħadd il-Palm ġie inawgurat ir-restawr ta’ sitt vari tradizzjonali li jesebixxu l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Dawn jinsabu ġewwa r-raħal tas-Siġġiewi li jibqgħu telgħin ’il fuq mat-telgħa tas-salib tal-għolja.
Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ħa l-inizjattiva biex beda jaħdem fuq dan il-proġett minn Awwissu li għadda.
L-istatwi għandhom iktar minn mija u għoxrin sena ta’ storja u biex jispjegalna iktar fid-dettal dwar dawn is-sett ta’ vari li huwa patrimonju storiku għar-residenti tas-Siġġiewi, ONE News tkellem mal-istoriku Nikol Bezzina fejn qalilna ftit storja interessanti.
Bezzina tenna, “Dawn huma statwi li saru bejn l-1895 u l-1896. Saru minn Dun Pawl Laferla li kien saċerdot mis-Siġġiewi. Naturalment, hemm mhux kwistjoni imma għadna ma nafux eżatt x’kienet l-idea li jagħmilhom propju hawnhekk. Hawn min jgħid li propjament ried jagħmel il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira bħal ma hemm fil-parroċċi jiġifieri tal-purċissjoni biex nifthemu.”
Preżenti waqt din l-inawgurazzjoni kien hemm ir-restawratur li ħa ħsieb din il-ħidma biex dan ix-xogħol uniku fil-gżejjer Maltin ma jintilifx. Huwa spjega magħna l-proċess li sar fuq ir-restawr ta’ dawn il-vari. Huwa tenna li kieku l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ma ħax l-inizjattiva, fi ftit snin oħra dawn il-vari kienu ħa jiddeterjoraw minħabba li huma esposti għall-elementi naturali.
Gauci stqarr, “Mela l-proċess kien li l-ewwel għamilna s-sample tests, rajna x’hemm taħt u x’kien l-aħjar metodu biex nimxu ’l quddiem. Sar il-ftuħ ta’ fili fejn kien hemm il-problemi jiġifieri li kienu ddeterjorati u fejn kien hemm il-gwarniċ imkisser, ġie mibdul ukoll. U fejn kien hemm xi swaba’ mkissrin u partijiet nieqsa mill-vara saru permezz ta’ tibdil ta’ ġebel u plastic repair.”
Is-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech saħaq li huwa sodisfatt li issa s-Siġġiwin jistgħu jkomplu jgawdu is-sbuħija u s-sempliċità ta’ dawn il-vari.
Grech qal, “Permezz ta’ dan il-proġett din il-ġawra patrimonjali Siġġiewijja ħa nkunu nistgħu ngawduha għal ħafna iktar snin u anke bħala Kunsill Lokali ninsabu mpenjati biex fiż-żmien li ġej ħa nkomplu anka wkoll ninvestu iktar flus u napplikaw għal iktar fondi sabiex ikollna iktar proġetti simili biex nawguraw bħal dak li qed nagħmlu illum.”