Ġie inawgurat proġett ta’ restawr u konservazzjoni tal-Kappella antika ddedikata lit-Twelid tal-Madonna fil-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu, li toriġina sa mis-Seklu Tlettax.
Dan il-proġett sar permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u s-Soċjetà Storika u Kulturali tal-Birgu, waqt li ffoka fuq ir-restawr tal-artal indurat u s-sitt pilastri, kif ukoll l-inkarigu ta’ xogħlijiet artistiċi ġodda mill-artist Manuel Farrugia, li għamel pitturi ġodda għall-kappella, inkluż pittura titulari.
Preżenti għall-inawgurazzjoni tal-proġett kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo.
Il-kappella ġiet imnaqqxa fil-blat mat-tmin mitt sena ilu, fejn fil-bidu kien hemm l-ewwel Knisja Parrokkjali tal-lokal u, aktar tard, sarulha tibdiliet fi stil Barokk fi żmien il-Kavallieri.
Sejbiet riċenti żvelaw li l-artal kien oriġinarjament indurat u li l-kulur tal-kappella nbidel maż-żmien. Dawn wasslu għal dan il-proġett ta’ restawr biex il-kappella terġa’ tirritorna għas-sbuħija tagħha li kellha lura fiż-żmien.
George Agius mis-Soċjetà Storika u Kulturali tal-Birgu tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġett u anke l-karatteristiċi uniċi ta’ din il-kappella.
“Din il-kappella mħaffra fil-blat, jissejjaħ troglodita, u hi l-eqdem post fl-inħawi tal-Port li għadu jintuża sal-lum għall-istess skop għal kult u għall-qima lil Alla.”
George Agius mis-Soċjetà Storika u Kulturali tal-Birgu
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, qal kif proġetti bħal dawn ikomplu jsaħħu l-patrimonju ta’ pajjiżna.
“L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hi iżjed magħrufa għall-impenn tagħha fil-promozzjoni ta’ pajjiżna f’pajjiżi barranin. Madankollu, għandna xogħol siewi, importanti li jsir mid-Direttorat għall-Prodott, fejn naħdmu ma’ NGOs u għaqdiet volontarji, kunsilli lokali u entitajiet oħra sabiex insalvaw il-patrimonju Malti.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef
Il-Ministru Bartolo enfasizza l-importanza ta’ dawn l-inizjattivi biex nipproteġu u nippromwovu l-wirt kulturali Malti.