Ġie inawgurat il-proġett ta’ restawr ta’ Palazzo Ferreria, fil-Belt Valletta, palazz li llum jilqa’ l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.

Dan il-proġett, ħa ftit anqas minn sena biex jitlesta, li fih sar xogħol ta’ restawr u rinnovar tad-daħla tal-palazz, il-bitħa interna u diversi żoni li jmissu mal-bitħa. Dan ir-restawr ta’ nofs miljun ewro, juri l-importanza storika u arkitettonika tal-Palazzo Ferreria.

Preżenti għall-inawgurazjoni kien hemm il-Ministru Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti f’dan l-istess Ministeru Mark Musù. Dan filwaqt li kien hemm preżenti wkoll il-Professur Raymond Mangion, li għadu kif lesta ktieb dwar l-istorja ta’ dan il-palazz u li tnieda fl-istess okkażjoni.

Il-Minstru Falzon stqarr li tul l-istorja, il-binja nbidlet minn post ta’ funderija fejn kienu jsiru xwabel u kanuni, għal palazz li fih illum jitfasslu mijiet ta’ miżuri ta’ ġustizzja soċjali.
Dan il-proġett isegwi proġetti oħrajn li saru f’dan il-palazz li bihom kienu restawrati l-faċċata u l-bqija tal-binja minn barra u anke kienet twaħħlet sistema ta’ dwal mill-isbaħ fid-daħla tal-Belt Valletta.