Fl-Oratorju tas-Santissmu Kurċifiss fl-Isla, ġie inawgurat ir-restawr tal-kurċifiss li għalih hu msemmi dan l-istess oratorju, li jmur lura għas-seklu tmintax.
Fil-fatt, dan inġieb minn Ruma fejn inħadem għal dan l-oratorju bil-qisien tan-niċċa li kienet diġà nbniet għalih.
Il-kurċifiss għandu storja rikka hekk kif tul is-snin, b’mod partikolari matul it-Tieni Gwerra Dinjija, sofra minn ħsarat kawża ta’ bombi li laqtu l-knisja, anki l-oratorju nnifsu.
Għal din ir-raġuni, il-kurċifiss igawdi minn rabta speċjali mal-komunità Sengleana, li tul is-snin marret f’dan l-oratorju bħala post ta’ qima u adorazzjoni lejn Ġesù Kristu.
Il-kurċifiss sarulu għadd ta’ interventi tul is-snin li biegħduh mill-oriġinalità tiegħu, kif jispjega l-Arċipriet tal-Isla, il-Kanonku Robin Camilleri.
Qal, “Jidher li kienu saru interventi passati fuqu, żgur li l-aħħar intervent sar wara l-gwerra għaliex dan il-post fil-gwerra waqa’ s-saqaf bil-bombi u anki l-art. Il-kuriċfiss inkissret il-ħġieġa tiegħu li għandna hawnhekk u l-kurċifiss baqa’ mperper mal-ħajt.”
B’kollox il-kurċifiss sarulu mal-ħames interventi.
L-aktar restawr riċenti, li dam għaddej għal madwar sena, ħa lill-kurċifiss lura fiż-żmien għall-istat oriġinali tiegħu, kif tispjega r-restawratriċi Valentina Lupo.
Qalet, “L-iktar parti interessanti tal-proġett hija li skoprejna li dan il-kurċifiss għandu t-terħa blu, li hija xi ħaġa partikolari ħafna hawn Malta. Sa fejn nafu aħna, sal-lum il-ġurnata ma jeżistix kurċifiss ta’ dawn id-dimensjonijiet b’din it-terħa blu, hija partikolari għaliex il-blu fl-arti jfisser id-divinità.
Ma’ dan l-istazzjon, l-Arċipriet tal-Isla, nnota wkoll is-sinifikat li għandu dan il-kurċifiss u l-istennija fost il-komunità Sengleana biex jerġa’ jibda jitgawda fil-glorja tiegħu.
Qal, “Din is-sena skoprejt kemm hu ta’ devozzjoni wkoll dan il-kurċifiss għax forsi tgħid hawnhekk jidħlu għar-Redentur imma skoprejt kull darba jibgħatuli meta se jitlesta l-kurċifiss u kulħadd isaqsi għalfejn. Għaliex għandna devozzjoni kbira lejh. Ħaġa sabiħa għaliex il-post huwa ddedikat għalih.”
Dan ir-restawr ingħaqad ma’ proġetti oħra ta’ restawr f’din il-paroċċa li fosthom inkludew għadd ta’ pitturi f’dan l-istess oratorju kif ukoll ir-Redentur tal-Isla.