B’investiment ta’ €84,000, li 80% minnhom kienu ko-finanzjati minn fondi tal‑Unjoni Ewropea, is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Chris Bonett flimkien mal‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi inawguraw it-tlestija tal-proġett ta’ restawr fuq il‑faċċata u il-ġenb tal-kampnar tax-xellug tal-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi.
Il-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi, li hi ddedikata lil Marija Assunta, inbniet fl-1620, fuq art fejn qabel kien hemm żewġ kappelli oħra żgħar. Din hi waħda minn għadd ta’ knejjes f’Malta li qed igawdu mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2020 u dan il-proġett huwa wieħed minn diversi proġetti oħra li qegħdin jibbenefikaw mill-Fond Assi Prijoritarju 5, parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, b’allokazzjoni ta’ €63 miljun.
Dan il-proġett li ra t-tindif tal-ġebla tal‑faċċata u tal‑kampnar, nbidillu wkoll xi ġebel li kien fi stat ħażin minħabba l‑elementi tan-natura u t‑tniġġis tal‑arja.
Is‑Segretarju Parlamentari Chris Bonett sostna li permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali qegħdin jiġu investiti madwar €4 miljun biex jintużaw mill-Arċidjoċesi ta’ Malta sabiex jitwettqu proġetti ta’ restawr fuq 33 knisja f’Malta, bil-għan li titwettaq konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali ekkleżjastiku.
Bonnett semma li bħala Gvern qed isiru investimenti fil-wirt kulturali li hu meqjus fuq skala iżgħar sabiex ikun żviluppat il-wirt nazzjonali ta’ Malta fir-rigward tas-sostenn tal-iżvilupp tan-negozju u t-tisħiħ tal-industrija tat-turiżmu ta’ Malta, li hija waħda mill-muturi ewlenin tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
“Nemmnu bi sħiħ li dak li tawna missirijietna, aħna għandna nippriservawh, aħna għandna nipproteġuh u jgawduh mhux biss il-ġenerazzjonijiet ta’ llum imma anki dawk ta’ għada. Barra minn hekk inħarsu wkoll lejn dak li huwa l-prodott storiku ta’ pajjiżna u nagħtu laqta wkoll lit-turiżmu. Nafu kemm iħobbu lil knejjes tagħna.”
L‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi radd ħajr lil kull min ta sehemu f’dan ir-restawr tal-knisja tal-Qrendi. Hu qal li restawr magħmul b’għaqal hu kontribut ta’ ġid kbir għas-soċjetà Maltija. Huwa semma kif il-Knisja f’Malta qed taħdem bis-sħiħ ikun apprezzat aktar il-patrimonju kulturali li għaddewlna ta’ qabilna.
Preżenti kien hemm ukoll is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross u l‑Amministratur Parrokkjali Dun Mario Said u l‑parruċċani Qrendi li wkoll ikkontribuxxew f’dan il-proġett.