Il-Ħamis filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura estensjoni ta’ fabbrika ta’ €12-il miljun u ħabbar investiment ieħor ta’ €9 miljun oħra li se joħloq mitt impjieg ġdid.
Fil-kumpanija Seifert Systems Ltd fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far, li timmanifattura sistemi li jirregolaw it-temperaturi f’diversi inġenji industrijali, tħabbar kif l-istess kumpanija se tkompli tespandi u tinvesti aktar biex tiddiversifika l-prodott tagħha.
B’dan l-aħħar investiment imħabbar, il-kumpanija Ġermaniża li ilha bbażata f’Malta iżjed minn ħamsin sena, se toħloq aktar impjiegi, apparti l-mija u erbgħin impjieg ieħor li nħolqu bl-estensjoni tal-fabbrika.
Fl-indirizz tiegħu waqt l-inawgurazzjoni tal-espansjoni tal-impjant ta’ Seifert, il-Prim Ministru nnota kif il-kumpanija saret l-ewwel waħda tax-xorta tagħha li għandha fabbrika f’pajjiżna li taħdem mingħajr ma tniġġes.
Dan imur id f’id mal-viżjoni ekonomika tal-Gvern favur is-sostenibilità, hekk kif il-kumpanija anki nvestiet f’tagħmir state-of-the-art biex jintlaħqu l-ogħla livelli.
Il-Prim Ministru nnota kif il-kumpanija mhux biss qed tħaddem iżjed nies f’pajjiżna iżda qed tkompli ttejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema f’setturri tekniċi, bħall-inġinerija.
Dr Abela qal li l-Gvern jibqa’ konxju ta’ sfidi fis-settur tax-xogħol biex ikompli jtejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema, quddiem realtà li aktar intrapriżi qed ifittxu iżjed nies x’jimpjegaw.
Il-Kap Eżekuttiv u Direttur Maniġerjali ta’ Seifert f’pajjiżna, Michael R. Seifert, spjega kif il-kumpanija qatt ma għażlet li tkeċċi ħaddiema, anki waqt l-akbar sfidi internazzjonali, bħall-pandemija.
Is-Sur Seifert aċċenna li passi favur operat sostenibbli ma jfissrux biss infiq, iżda investiment favur iffrankar ta’ riżorsi u flus.
“We do not only plan for our longterm growth but are able to prioritise objectives within the organisations that traditionally, would not form the core of business strategy of most organisations. A strong sense of ethics, a continuous investment in renewable energy and water conservation, development of more energy efficient products, a drive for more sustainable modes of working is our way of doing business. We have made a significant step towards becoming energy neutral and we will continue in the next years.”
Wara l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru Miriam Dalli, żar l-impjant ta’ Seifert Systems.