Ġie inawgurat investiment ta’ aktar minn €2.2 miljun minn Delicata Winery.
Dan il-proġett, li hu kofinanzjat minn fondi Ewropej, jikkonsisti f’makkinarju tal-aqwa kwalità u li minnu jgħaddu l-fliexken tal-ħġieġ qabel jimtlew bl-inbid.
Dan l-investiment ġie inawgurat mill-Ministru għall-Agrikoltura u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
Dan il-proġett huwa meqjus wieħed ambjentalment sostenibbli u li jopera b’mod effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Jinkludi sistema fotovoltajka u l-insulazzjoni tal-maħżen tal-inbid fil-fliexken.
Iċ-Chairman ta’ Delicata Group, George Delicata, saħaq li l-kumpanija Delicata f’dan l-investiment rat li żżomm b’mod konsistenti l-kwalità tal-inbejjed tagħha, iżda dan il-makkinarju l-ġdid qed jinkorpora wkoll l-aħjar prattiki għall-konservazzjoni tal-ilma u tal-enerġija kif ukoll sistemi ta’ tindif fil-post.
Il-Ministru Anton Refalo nnota kif investimenti ta’ dan it-tip qed ikomplu jgħollu l-livell tal-prodott lokali, din id-darba l-inbid magħmul mill-għeneb maqtugħ mill-għelieqi Maltin.
“Aħna, min-naħa tagħna, bħala Gvern lesti u kommessi li ngħinu investimenti bħal dawn għax, wara kollox, dawn iġibu lejn Malta niċċa ta’ kwalità, it-turiżmu lejn il-gżejjer tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, irrimarka kif bl-għajnuna ta’ madwar €850,000 minn fondi Ewropej, Delicata Winery se jkunu qed itejbu l-kwalità tal-prodott tagħhom permezz ta’ investiment kemm fit-tagħmir kif ukoll fl-infrastruttura.
“Illum rajna mhux biss kif isiru l-affarijiet, imma għalfejn isiru l-affarijiet u jagħtina dak l-impetu bħala Gvern biex inkomplu nagħmlu dak l-investiment neċessarju biex nagħmlu aktar skemi sempliċi, aktar fondi aċċessibbli għal dawn il-kumpaniji tagħna, in-negozji tagħna, biex ikomplu jikbru. Tikber l-ekonomija, ikompli jidħol id-dħul tal-Gvern, u nkunu nistgħu ngħinu aktar lil min hu fil-bżonn.”