Fil-Plaza Shopping Centre f’Tas-Sliema ġiet inawgurata faċilità privata tal-esports b’investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro.
L-esports huwa logħob diġitali kompetittiv; industrija li hija waħda li dejjem qed tikber u li qed issir aktar professjonali aktar ma jgħaddi ż-żmien.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, Silvio Schembri, li ddeskriva dan l-investiment bħala wieħed uniku fix-xorta tiegħu fejn jidħlu l-faċilitajiet professjonali tal-esports.
Il-Ministru Schembri qal li, tliet snin u nofs ilu, il-Gvern kien vara strateġija marbuta mal-esports sabiex dan is-settur jiġġenera wieħed fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross. Din l-istrateġija hija xhieda tal-impenn tal-Gvern biex jiddaħħlu niċeċ ekonomiċi ġodda.
Qal, “Din turi li dik l-istrateġija qed tħalli l-frott tagħha sabiex naraw li nkomplu nsaħħu l-ekosistema ta’ pajjiżna b’din in-niċċa ekonomika ġdida ġewwa Malta.”
Intant, id-Direttur tal-Esports Plaza, Malcolm Saleeb, qal li dan l-investiment se jara li l-esports ikun aktar disponibbli għal kulħadd. Żied jgħid li investimenti simili se jpoġġu lil Malta fuq il-mappa bħala destinazzjoni ideali għall-attivitajiet tal-esports.
Qal, “L-idea dejjem kienet li nkomplu mat-tkabbir li qed isir fl-industrija tal-esports. Issa permezz ta’ din il-faċilità, kemm nies professjonali, kif ukoll dawk li huma biss entużjasti jew m’humiex professjonali, jistgħu jiġu hawn u jilagħbu dan il-logħob fl-esports.”