Ġiet inawgurata boutique hotel ġdida fil-qalba tal-Belt Valletta; lukanda li hija r-riżultat ta’ investiment ta’ €3 miljun.
F’ċerimonja ta’ inawgurazzjoni li għaliha attenda l-Prim Ministru Robert Abela, ġie spjegat kif il-ħsieb wara din il-lukanda, bl-isem ta’ Palazzjo Ignazio, kien li toffri ospitalità differenti biex it-turisti li jagħżlu din l-akkomodazzjoni jesperjenzaw id-dinja kulinarja u kulturali li toffri gżiritna.
Id-Direttur Maniġerjali tal-Grupp Bajada, li kien responsabbli għal dan l-investiment, Mark Bajada, qal li l-kompetizzjoni fil-qasam turistiku qiegħda dejjem tikber u għalhekk teħtieġ diversifikazzjoni ikbar fis-settur tal-ospitalità.
Saħaq li din il-boutique hotel qed toffri turiżmu b’differenza.
Qal, “Aħna qed nippruvaw – barra milli nagħtu esperjenza sabiħa bħala residenza ġo din il-binja li tikkonsisti minn 23 kamra tas-sodda kif ukoll spa roof garden u roof bar – l-idea hija li nagħtu esperjenza wkoll kulinarja u kulturali.”
Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern qiegħed jistinka biex joħloq l-ambjent li jiffaċilita r-rieda tal-investituri li joħolqu iktar impjiegi u jinvestu f’pajjiżna, f’dan il-każ fil-belt kapitali tagħna.
Fisser dan l-investiment bħala mhux biss turija tal-fiduċja li l-investituri għandhom f’pajjiżna imma wkoll bħala turija ta’ kemm il-Belt Valletta hija destinazzjoni ta’ kwalità, li toffri esperjenza unika lil kull min iżurha.
Il-Prim Ministru wera l-apprezzament tiegħu għat-tmexxija tal-Grupp Bajada, li qed ikompli jimraħ f’setturi differenti li lkoll jassiguraw titjib fil-kwalità tal-esperjenza tal-konsumatur.