Fil-villaġġ tal-artiġġjanat f’Ta’ Qali, ġie inawgurat incubation centre ġdid b’investiment ta’ €700,000.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa dan l-istess ċentru li ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri.
F’din il-konferenza sar aċċenn fuq l-importanza tal-qasam tal-artiġjanat f’pajjiżna, u kif permezz ta’ dan l-incubation centre ġdid, se tkun tista’ tinħoloq iktar kuxjenza fuq dan it-tip ta’ xogħol magħmul bl-idejn.
Propju dwar dan, tkellem il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Maltija għall-Crafts, is-Sur Elton Micallef.
Ma’ ONE News huwa sostna kif b’din ir-riżorsa, din il-fondazzjoni tista’ taħdem b’aktar kumdità filwaqt li ttella’ attivitajiet kemm għat-tfal u kif ukoll għall-adulti sabiex dan il-qasam jiġi espost iktar fis-soċjetà.
Qal, “Dan il-post ħa jkun qed iservina tajjeb ħafna kemm biex inġibu t-tfal tal-iskejjel u anke adulti li huma interessati biex jipprattikaw xi ħila jew jitgħallmu xi skill tal-artiġġjanat u anke se jkun post fejn se nkunu nistqgħu nlaqqgħu l-artiġġjana biex niddiskutu magħhom l-istrateġija ’l quddiem jiġifieri ħa jkun post li qed jilqa’ kemm il-bżonnijiet tal-fondazzjoni biex ikollha l-uffiċini tagħha imma anke ħsibijiet għall-quddiem kemm għall-edukazzjoni u taħriġ kemm għal studenti u anke artiġġjana nfushom.”
Il-Ministru Silvio Schembri sostna l-impenn tal-Gvern favur investiment fil-villaġġ tal-artiġġjanat f’Ta’ Qali. Villaġġ li taħt Gvern Laburista ra investiment ta’ madwar €12-il miljun mifruxa fuq spazju ta’ 65,000 metru kwadru.
Qal, “Huwa post mifrux fuq 65,000 metru kwadru u li sfortunatament matul diversi snin kien tħalla mitluq. Kien impenn ta’ dan il-Gvern li naraw li dan il-post tal-artiġġjana ninvestu fih ’il fuq minn €12-il miljun sabiex naraw li finalment ikollna post li jkun jista’ jitgawda mhux biss mit-turisti iżda wkoll mill-familji Maltin u Għawdxin.”
Il-Ministru sostna wkoll li fiż-żmien li ġej, mistennija aktar inawgurazzjonijiet f’dan il-villaġġ hekk kif kulma jmur, il-Gvern qed jara li jlesti l-proġetti kollha tiegħu biex il-villaġġ tal-artiġġjanat f’Ta’ Qali jkun lest fl-intier kollu tiegħu.
Qal, “Din hija ħolqa waħda minn kullana ta’ investimenti li se nkunu qed inkomplu ninawguraw matul din is-sena li finalment irridu naraw dan il-villaġġ kollu jitlesta. Jiena l-ħolma tiegħi hawnekk u hija ħolma li ħa naraw li ħa tkun qiegħda titwettaq hija li bid-diversi attivitajiet li ħa nkunu qed inħabbru fil-ġimgħat li ġejjin, hawnhekk ikun post li l-familji Maltin u Għawdxin u t-turisti jkollhom diversi attivitajiet fejn ikunu jistgħu jqattgħu ġurnata sħiħa u allura jkunu jistgħu jqattgħu ġurnata sħiħa u allura hemmhekk ikunu jistgħu japprezzaw l-arti kollha tal-artiġġjana Maltin.”
Intant, tnieda wkoll uffiċjalment il-branding il-ġdid għall-Villaġġi tal-Artiġġjanat kemm f’Ta’ Qali kif ukoll f’Ta’ Dbiegi, Għawdex. Dr Jean Pierre Attard, Chairperson ta’ INDIS Malta, spjega kif din id-dehra l-ġdida tkompli tagħti ħajja lill-villaġġi, u turi l-enerġija u l-multi-dimensjonalità tas-settur artiġġjanali.
Il-branding il-ġdid kien ispirat mit-tradizzjoni Maltija u minn diżinji ta’ ċrieki li jinsabu f’tempji tal-pre-istorja Maltin. Barra minn hekk, il-kuluri li ġew magħżula jissimbolizzaw id-diversità tal-kreattività ġewwa dawn il-villaġġi.