Kien inawgurat impjant tal-ilma fil-Mellieħa li permezz tiegħu d-drenaġġ se jissaffa u jinbidel f’ilma ta’ kwalità għolja tant li se jkun użat b’mod sigur f’oqsma differenti. L-impjant li jiswa €21 miljun ffinanzjati minn fondi ewropej se jwassal għal inqas ħela ta’ l-ilma li qabel kien jintrema fil-baħar.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna li dan kien proġett importanti ħafna u li Malta se tkun waħda mill-ftit pajjiżi fid-dinja li se tuża din is-sistema. Sistema li l-Prim Ministru spjega se tkun qed tassigura li l-boreholes ta’ pajjizna jkunu preservati filwaqt li tingħata alternattiva lill-industriji u l-bdiewa. Spjega li dan hu l-ewwel attentat serju ta’ Gvern li joffri alternattiva għall-estrazzjoni tal-ilma.
Fl-inawgurazzjoni tal-proġett kien spjegat kif l-ilma ġdid se jkun prodott permezz ta’ reverse osmosis sofistikata u makkinarju apposta li se jiżguraw il-kwalità u s-sigurtà ta’ dan l-ilma. Meta jinbidel fi prodott imbagħad jitqassam madwar il-gżejjer Maltin permezz t’infrastruttura apposta.
It-tliet impjanti tal-water polishing huma l-impjant ta’ Barkat, l-impjant taċ-Ċumnija fil-limiti tal-Mellieħa u l-impjant ta’ ras il-Ħobż f’Għawdex. Dawn se jkunu qed jitrattaw 26% tal-ilma trattat li jinbidel f’ilma nadif u s-sistema se twassal għal prodott ta’ seba’ miljun metru kubu t’ilma nadif fis-sena.
Għal bidu l-ilma se jitwassal f’żoni partikolari u jkun jista jittieħed permezz ta’ bowsers . Dan fl-istess waqt li se tkun qed titlesta s-sistema ta’ distribuzzjoni li se tkun qed twassal l-ilma fl-għelieqi u ż-żoni industrijali. Sistema li se tiġi aċċessata permezz ta’ cards speċjali.
Biex imbagħad l-ilma jkun użat għall-biedja industrija u tisqija tar-roundabouts. Filfatt il-bdiewa se jkollhom sors ġdid t’ilma tat-tisqija li se jwassal għal kwalità aħjar ta’ prodotti agrikoli tant li se jzied is-shelf life tal-prodotti .
Minnbarra l-bdiewa se jgawdu lukandi, l-industrija li tuża l-ilma biex tkessaħ il-magni u dawk li jaħslu l-karozzi.
Il-Ministru fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Konrad Mizzi stqarr li l-impjant huwa parti mill-istrateġija tal-gvern , li jkun ikkonservat u użat aħjar l-ilma f’pajjiżna.