Ġie inawgurat il-Qala Dog Park, l-ewwel park tax-xorta tiegħu f’Għawdex b’valur ta’ madwar ħamsa u għoxrin elf ewro €25,000 u li hu ffinanzjat mill-Gvern.
Dan il-park sar billi ġiet żviluppata biċċa art minn Ġnien il-Familja biex b’hekk sar park għall-klieb li jikkonsisti f’żewġ sezzjonijiet; parti li hija ddedikata għall-klieb żgħar u parti oħra li hija ddedikata għall-klieb kbar.
Dan ix-xogħol kollu sar b’kollaborazzjoni tad-Direttorat EkoGħawdex.
Waqt li kien qed jinawgura dan il-park, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr l-għan ta’ dan il-park hu li jkun hemm post adattat għall-klieb sabiex dawn ikunu jistgħu jiġru u jagħmlu l-eżerċizzju f’dan is-sit. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha tax-xogħol siewi li għamlu.
Huwa qal, “Fejn propju b’investiment ta’ €25,000 għamilna investiment għamilna dan l-istess park, issa, li se jintuża minn dawk li għandhom kelb bħala parti mill-familja tagħhom u li jixtieq jerħuh fi spazju sigur u liberu, b’diversi apparat għal dawn il-ħbieb tal-bniedem. Però, aktar minn hekk ukoll, irrid nirringrazzja lill-ħaddiema tal-Gvern, lill-ħaddiema ħaddmu f’dan il-proġett.”
Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg laqa’ b’sodisfazzjon l-għajnuna li l-Kunsill tal-Qala sab mill-Gvern biex seta’ jsir dan il-proġġett u appella biex dan il-park jintuża b’mod responsabbli: “Naturalment kellna bżonn l-għanuna tal-Ministeru għall-Għawdex biex isir dan ix-xogħol kollu. Nappella lin-nies biex jiġi hawnhekk u jużaw l-area kif għandu jkun u biex ma jħallux affarijiet li mhux f’posthom.”
Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-park huma mis-sebgħa ta’ filgħodu sas-sebgħa ta’ filgħaxija.
Ritratti: MGOZ