L-Imqabbin issa għandhom pjazza fil-qalba tar-raħal li tirrifletti r-raħal pittoresk li jgħixu fih.
Dan wara proġett ta’ riġenerazzjoni li sewa’ erba’ miljun ewro u nħadem mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Fost l-oħrajn tneħħew mal-ħames ta’ kilometri ta’ wires tal-elettriku minn mal-faċċati tal-binijiet madwar il-pjazza.
Ir-riġenerazzjoni kienet imsejsa fuq pjan maħsub u b’viżjoni li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Il-pjan inqasam fi tliet fażijiet, dak ta’ tindif u tiswija, il-bini ta’ ġibjun li fih jinġabar l-ilma u jkun disponibbli għall-bdiewa u r-raba’ tagħhom u finalment, it-tisbiħ u pavimentar tal-pjazza parrokkjali.
Is-Sindku tal-Imqabba, Omar Farrugia tkellem dwar din il-pjazza riġenerata li llum tixraq dan ir-raħal bi storja twila.
Qal, “Illum hija ġurnata memorabbli u ġurnata storika għalina l-Imqabbin għaliex qed naraw riġenerazzjoni ta’ tisbieħ fil-pjazza tal-Imqabba, pero fuq kollox hija riġenerazzjoni għan-nies, riġenerazzjoni li se tara wiċċ ġdid, dehra ġdida kif tixraq lin-nies tal-Imqabba.”
Il-pjazza ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg li rrimarka li l-għan tal-proġett għandu għanijiet infrastrutturali, soċjali u ambjentali.
Spjega, “Aħna bħala Gvern wegħdna li se nagħtu l-pjazez lura lin-nies. Kienu diversi dawk li sejħu sabiex il-pjazez jitgawdew mill-komunitajiet. Hawn fl-Imqabba għamilna infrastruttura tal-ogħla kwalità sabiex in-nies tkun tisa’ tgawdi l-pjazza.”
Waqt l-inawgurazzjoni ntqal ukoll li l-Gvern jinsab kommess li jinvesti fl-għixien tal-komunitajiet f’pajjiżna.