Il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Ian Borg u s-Segratarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd Roderick Galdes inawguraw il-proġett tal-Menqa ta’ Marsalforn.
Fil-port ta’ Marsalforn sar xogħol infrastrutturali li sewa aktar minn €900,000 biex jitjiebu l-faċilitajiet għas-sajjieda f’dawn l-inħawi biex b’hekk ikunu jistgħu joperaw b’mod aktar effiċjenti u effettiv.
Ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu fil-bini mill-ġdid tal-ħajt tal-menqa biex jipprovdi aktar protezzjoni għad-dgħajjes; ir-rikostruzzjoni ta’ skal; il-konservazzjoni tal-binjiet eżistenti sabiex jinbidlu f’uffiċini mgħammra b’żewġ kompjuters b’konnessjoni għall-internet u mwieżen ġodda addatati għal dan is-settur; l-irranġar tal-moll kif ukoll il-provvista u l-installazzjoni ta’ servizzi; u t-tibdil tal-winċ eżistenti għal wieħed modern li huwa aktar effiċjenti u sigur.