Ġie inawgurat il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Menqa f’Marsalforn, Għawdex, b’investiment ta’ madwar miljun ewro. Il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri l-Ħamis filgħaxija.
Fost ix-xogħlijiet li saru, hemm tibdil fis-sistema tad-drenaġġ u tal-ilma, u servizzi ġodda ta’ komunikazzjoni. Wieħed jista’ jinnota wkoll pavimentar ġdid quddiem l-istabbilimenti kollha fil-Menqa, u rikostruzzjoni ta’ parti mill-ħajt tal-moll.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li issa ngħata bidu wkoll tal-waterfront ta’ Marsalforn, proġett ta’ tliet miljun ewro li mistenni jitlesta sas-sajf li ġej. Fost l-oħrajn dan se jara l-introduzzjoni ta’ mezzi ta’ trasport aktar favur l-ambjent, u promenade għall-mixi biss, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi li jagħtu xi servizz.
Il-Ministru Camilleri qal: “Il-mira hi li jkollna ż-żona kompluta, kemm il-menqa kif ukoll il-waterfront sas-sajf li ġej, biex ikollna prodott aħjar għal dawk kollha li jżuru din il-gżira li tant inħobbu.”
B’dan l-investiment, il-Gvern qed jirrikonoxxi l-isforzi tas-settur privat biex Marsalforn isir ċentru turistiku u ta’ divertiment. Fl-istess ħin dan għandu jistimula aktar investimenti biex Għawdex ikollu industrija turistika lokali kompetittiva.