Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem inawguraw il-proġett “Marine Environmental Education Centre” li ġie integrat ukoll ma’ Librerija Pubblika ġdida. Dan il-proġett, b’investiment ta’ ’l fuq minn €150,000 kien fil-maġġor parti tiegħu ffinanzjat mill-fondi tal-Interreg Malta-Italia Project u parzjalment iffinanzjat mill-fondi tal-Kunsill.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri stqarr li minħabba li dan iċ-ċentru ġie integrat mal-librerija, qiegħed joffri esperjenza edukattiva ħolistika. Barra minn hekk, infetaħ aċċess dirett għall-iskola primarja ta’ Għajnsielem u b’hekk it-tfal tal-iskola se jkollhom il-possibbiltà li jattendu għal-lezzjonijiet fih stess. Il-Ministru Camilleri kompla jgħid, “Dan il-proġett se jkun jista’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri bħala marine hub edukattiv li jiffoka fuq xi jfissru Żoni Marittimi Protetti, u fuq it-tradizzjonijiet u l-isfidi li joffri s-settur tas-sajd. Huwa interessanti kif il-Kunsill Lokali rnexxielu jgħaqqad l-edukazzjoni u t-tradizzjonijiet fi proġett mill-isbaħ li żgur se jkun ta’ attrazzjoni kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti. Hu b’dan il-mod li għandna nressqu lit-tfal lejn il-qari u nħeġġuhom jinteressaw ruħhom fl-edukazzjoni.” Il-Ministru Camilleri temm billi faħħar lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem li ħa l-inizjattiva u wettaq dan il-proġett filwaqt li ħeġġeġ sabiex aktar Kunsilli jinvestu fil-lokalitajiet tagħhom u joħorġu b’inizjattivi innovattivi.
Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ammirat it-tema bil-ħsieb wara dan il-proġett u kif il-Kunsill Lokali irnexxielu jżewweġ l-aspett tal-edukazzjoni u l-kultura fiproġett wieħed. Hija qalet li l-għarfien fuq il-kultura u l-wirt storiku Malti jkompli jsawwar l-identità tagħna, filwaqt li l-qari u l-kotba huma ċ-ċavetta għall-edukazzjoni u t-tisħiħ tal-għarfien. “Infaħħar il-ħidma tal-Kunsill Lokali favur dan il-proġett li tant sar bi ħsieb u nħeġġeġ lir-residenti ta’ kull età sabiex jirrikorru f’dan iċ-ċentru u jagħmlu użu mis-servizzi wesgħin li joffri”, temmet id-diskors tagħha s-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Dan iċ-ċentru ġdid se jkun fih fost l-oħrajn: Librerija/żona ta’ qari li tinkludi diversi kotba dwar il-baħar; Dgħajsa tas-sajd vera ‘Maltese Luzzu’ b’tabelli edukattivi u d-dgħajjes tradizzjonali; Wirja ta’ ħut ibbalzmat ta’ speċi Mediterranji maqbuda lokalment; panelli interattivi pprovduti mill-programm Interreg Corallo għall-adulti u t-tfal; wiri ta’ għodod qodma tas-sajd; wiri ta’ mudelli ta’ dgħajjes tas-sajd tradizzjonali bil-QR codes sabiex il-viżitaturi jkunu jistgħu jitgħallmu aktar dwarhom; OLED screen u faċilitajiet ta’ sound. Iċ-ċentru se jkun mgħammar bl-arja ikkundizzjonata, b’Wifi pubbliku u tagħmir b’enerġija effiċjenti.