Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg inawgura l-proġett li sar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fuq il-Kwartieri tad-Dingli Scouts Group. Dan il-proġett li tlesta f’temp ta’ sena kien jinkludi xogħol ta’ kostruzzjoni, finishing u tisbiħ.
“Illum qegħdin hawnhekk għax għandna Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li jwettaq ħidma importanti li għalkemm forsi tkun fuq skala iżgħar minn proġetti kapitali, tagħmel differenza kbira mmens fil-ħajjiet tan-nies. Hawnhekk ser naraw lit-tfal, lil-leaders u lil dawk kollha li jipparteċipaw f’din l-għaqda jgawdu minn bini li huwa ikbar, isbaħ u aktar aċċessibbli, flimkien ma’ ambjent isbaħ u aħjar fil-miftuħ”, qal il-Ministru Ian Borg.
Grazzi għal dan il-proġett, il-kwartieri tal-Iscouts ta’ Ħad-Dingli issa għandhom sala ġdida b’sular sotterran li jista’ jintuża għall-ħażna, servizzi ġodda tad-dawl u ilma, madum, faċilitajiet sanitarji u aperturi ġodda, kif ukoll kċina u faċilitajiet anċillari oħra li huma aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. Għal dan l-għan inbniet ukoll rampa komda għall-aċċess prinċipali.
Fuq in-naħa ta’ barra, il-proġett inkluda titjib tal-faċċata, saqaf ġdid għall-ġiebja eżistenti biex ġie kkreat spazju sigur bi struttura li tagħti kenn anke mill-elementi u spazji varji għal użu kreattiv. Il-ħaddiema tad-dipartiment wettqu wkoll titjib fl-immaniġġjar tal-ilma tax-xita, filwaqt li sebbħu u żiedu l-ħitan tas-sejjieħ u għamlu ristrutturar tal-ħajt ta’ barra.
Dan l-ispazju miftuħ illum għandu wkoll funtana, diversi siġar u sistema ta’ irrigazzjoni għalihom grazzi għal dan l-intervent. Is-siġar li tħawlu ġew mogħtija mill-aġenzija Infrastructure Malta.
“Proġetti bħal dawn jagħmluna kburin għax jagħtu faċilitajiet aħjar u faċilitajiet ġodda lill-komunitajiet tagħna. Din il-ħidma fil-komunitajiet tidher biċ-ċar f’diversi inizjattivi li qegħdin nieħdu, minn kull proġett li qed iwettaq id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi sal-investiment tat-toroq residenzjali li qed jitwettaq minn Infrastructure Malta madwar il-pajjiż. Impenjati li nagħmlu differenza pożittiva favur kwalità tal-ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha”, għalaq il-Ministru Ian Borg.