Għall-Agostinjani tal-Belt, il-festa ta’ Santu Wistin ta din is-sena hija waħda speċjali wara li għadu kif tlesta xogħol ta’ żebgħa u induratura fuq il-vara l-ġdida ta’ dan il-qaddis.
Din il-vara nħadmet ftit tas-snin ilu, u żżanżnet f’Ottubru tal-2017.
Il-vara, minquxa fl-injam, inħadmet mill-Kavallier Alfred Camilleri Cauchi u ibnu Aaron biex tieħu post l-ewwel statwa titulari li kellha din il-parroċċa.
Il-vara l-antika ta’ Santu Wistin kienet inħadmet ftit wara li, fl-1968, il-knisja tal-Agostinjani saret parroċċa.
Madanakollu, din il-vara ta’ Santu Wistin, li wkoll kienet minquxa fl-injam, ma tantx daħlet fil-qlub tal-parruċċani, anke jekk kienu saru xi xogħlijiet ta’ rinnovar fuqha.
L-istatwa kellha wkoll ħafna ħsara, fosthom minħabba l-moffa li kibret fuqha matul is-snin.
Kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li l-vara tinbidel.
Illum il-vara l-antika, li tirrappreżenta lil Santu Wisin duttur, bl-ereżija taħt saqajh, tinsab fil-Kunvent tal-Agostinjani.
F’din il-vara l-ġdida, Santu Wistin liebes l-ilbies episkopali. F’idu mgħollija qed izżomm qalb taqbad, simbolu ta’ dan id-Duttur tal-Knisja u tal-Ordni Agostinjana.
Fin-naħa t’isfel tal-vara hemm anġlu żgħir li qiegħed iġorr ktieb bi frażi tal-istess Santu Wistin.
Għax-xogħol ta’ ż-bgħa u tal-induratura tqabbad l-induratur Horace Farrugia, li huwa artist ta’ esperjenza kbira f’dan il-qasam.
Il-Provinċjal tal-Agostinjani, Patri Leslie Gatt spjega li l-proġett sar bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Arti.
“L-istatwa ġiet inawgurata fl-elfejn u sbatax, u kienet iżżanżnet f’din il-parroċċa, l-ewwel darba li nħarġet f’purċissjoni. Sa dan il-punt għaddew ħames snin sakemm beda x-xogħol fuq l-induratura u ż-żebgħa ta’ din l-istatwa. Kienet statwa sabiħa anke fl-injam, imma ż-żebgħa u l-induratura tagħha jagħtuha ħajja isbaħ.”
L-istatwa se tinħareġ proċessjonalment nhar il-Ħadd tmintax ta’ Settembru fil-Festa Titulari.