Ġie inawgurat il-proġett ta’ tisbiħ tal-Belvedere fin-Nadur li jħares fuq il-wied ta’ San Blas min-naħa taż-żona tal-Ħali b’finanzjament ta’ €61,000 mill-Fond għall-Iżvilupp tal-Ippjanar.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri spjega li dan il-fond ġie stabbilit fl-2017 u permezz tiegħu ffinanzja għadd kbir ta’ proġetti komunitarji madwar il-Gżejjer Maltin.
Fil-fatt, ġie rrimarkat li l-fondi jiġu minn żewġ sorsi differenti, il-miżati assoċjati ma’ applikazzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni u t-tariffi li jiġi mitlub żviluppatur meta ma jkunx ipprovdut parkeġġ fuq il-post ma’ permess ta’ żvilupp.
Il-proġetti proposti jkunu jistgħu jirċievu sa massimu ta’ 70% tal-ispiża totali tal-proġett.
Matul dawn l-aħħar snin saru diversi proġetti fi nħawi differenti tan-Nadur, u kienu jvarjaw minn tqegħid ta’ planters fil-pjazza ewlenija, tqegħid ta’ tagħmir għal taħriġ fiżiku; u tiswija ta’ poġġaman in-naħa tat-Torri ta’ Kenuna.
Is-Sindku tan-Nadur Edward Said tenna li bis-saħħa ta’ dan il-proġett in-Nadurin u dawk kollha fil-madwar jistgħu jgawdu mill-veduti sbieħ li toffri l-gżira Għawdxija.
“Belvedere ġdid li jsebbaħ u li jikkumplimenta ż-żona. Ineħħi belvedere li jneħħi l-antik li kien fi stat antik u perikoluż u llum għandna Belvedere porfido mill-isbaħ li jilqa’ bankijiet sabiex wieħed jista’ jieqaf u jiekol waqt li jgawdi l-veduti sbieħ tal-Meditteran u ta’ Sqallija.”
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li jħares ‘il quddiem sabiex permezz ta’ dan il-fond ikomplu jibbenefikaw aktar Kunsilli Lokali biex jagħmlu proġetti bħal dawn li jgawdu minnhom il-komunitajiet tagħna.
“Proġett li naħseb juri u jagħti eżempju ta’ kif insibu spazji ġewwa d-diversi lokalitajiet tagħna, spazji fil-periferija tal-lokalitajiet li jistgħu jinbidlu fi spazji sbieħ u miftuħa għall-pubbliku.”