Ġie inawgurat ix-xogħol ta’ tisbiħ li sar fuq Ġnien Parti Martin Caruana, fi Pjazza San Duminku, fir-Rabat. Dan ix-xogħol ta’ tisbiħ sar permezz tal-ħidma li imbarka fuqu l-Kunsill Lokali tar-Rabat, bl-appoġġ ta’ fondi Ewropej bil-għan li tiżdied is-sostenibbiltà favur l-użu tal-ilma tax-xita.
It-tisbiħ ta’ dan il-ġnien wassal għal pavimentar ġdid u tibdil ta’ bankijiet li ġew attrezzati biex jilqgħu għall-elementi kollha u ġew installati dwal ġodda li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Dan sar b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro.
“Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li għal darb’oħra nara proġett ta’ tisbiħ li l-għan primarju tiegħu hija s-sostenibbiltà ambjentali, jiġifieri proġett li jara li l-benefiċċju tal-ilma tax-xita ma jintilifx, bil-ħsieb li jiġi assorbit mill-ilma tal-pjan filwaqt li nkomplu ninstallaw dawl effiċjenti fl-użu tal-enerġija,” qalet il-Ministru tal-Ambjent Miriam Dalli, f’kelmtejn tal-okkażjoni.
Hija fakkret li anke permezz tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, l-EWA, fir-Rabat stess inħoloq roof garden fuq iċ-Ċentru Għajn li permezz tiegħu l-aġenzija se tanalizza wkoll il-kwalità tat-tnixxija tal-ilma tax-xita mill-green roof.
Il-Ministru Dalli ħabbret ukoll li Project Green se tkun qed tidħol fi ftehim mal-Kunsill Lokali tar-Rabat sabiex din iż-żona ta’ Ġnien Patri Martin Caruana tkompli titħaddar.
Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, spjega li l-kunsill ħa l-opportunità biex japplika għall-fondi taħt il-programm tal-Interreg; Italia-Malta, u inkluda dan ix-xogħol tal-ġnien fl-applikazzjoni tiegħu biex ikunu jistgħu jirranġawh u joħolqu spazju sigur għar-residenti.
Bl-applikazzjoni GIFLUID, il-proġett tal-ġnien għandu fiċ-ċentru tiegħu l-għan li l-ilma tax-xita li jinżel fl-ispazju kollu tal-ġnien, jiġi assorbit fl-ilma tal-pjan biex dan ikun wieħed sostenibbli. Fil-fatt intuża materjal permeabbli biex l-ilma tax-xita jibqa’ jiskula. Għal dawn il-fondi, il-kunsill issieħeb mal-Aġenzija tal-Ilma u l-Enerġija.