Ġie inawgurat il-proġett ta’ riġenerazzjoni tas-Sala Parrokkjali biswit il-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria f’Għawdex.
Ix-xogħlijiet fuq din is-sala saru b’investiment ta’ madwar mitt elf ewro, fosthom mill-iskema Restoring and Upgrading Venues with the Capacity to host MICE Events in Gozo.
Permezz ta’ dan l-investiment, ġie nstallat lift biex is-sala tkun aktar inklużiva u aċċessibbli.
Ġew installati wkoll sistema ta’ arja kkundizzjonata u aperturi ġodda, inxtara apparat awdjo-viżiv, saru xogħlijiet ta’ finishings, u ġew immodernizzata l-faċilitajiet sanitarji.
Il-Monsinjur Joseph Curmi spjega kif din is-sala tmur lura għall-elf disa’ mija u tmienja u sebgħin, u llum reġgħet tinsab fi stat li tista’ sservi lill-komunità parrokkjali.
“Ix-xogħol fuqha kien jinvolvi diversi proġetti differenti fuq livelli differenti bħalma huma ta’ struttura, teknoloġiċi u anki proġetti oħra li jgħinu biex din is-sala tista’ tkun sala li tista’ tiġi utilizzata anki minn persuni ta’ bżonnijiet differenti.”
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri stqarr li dan il-proġett se jkompli jsaħħaħ il-prinċipji u l-valuri fi ħdan il-komunità li jilqa’ dan is-sit, filwaqt li joħloq aktar opportunitajiet ta’ turiżmu reliġjuż.
Huwa tkellem aktar dwar l-iskema li minnha ngħataw fondi biex seta’ jsir dan il-proġett.
“Din hija skema biex ninċentivaw aktar NGOs ġewwa l-gżira t’Għawdex sabiex l-ispazji li għandhom, jattrezzawhom kif suppost sabiex inkomplu nattiraw lejn dil-gżira, aktar turiżmu ta’ kwalità u anki wkoll b’mod partikolari t-turiżmu reliġjuż li nafu li huwa b’saħħtu fil-gżira t’Għawddex u rridu nkomplu nsaħħuħ.”
L-iskema MICE se terġa’ tiftaħ fil-ġimgħat li ġejjin, u l-appell hu biex għaqdiet mhux governattivi japplikaw għall-fondi ħalli huma wkoll igawdu minn xogħlijiet li jtejbu l-ambjent minn fejn joperaw.