B’investiment ta’ aktar minn tliet miljun ewro, ġie inawgurat il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Birgu l-Ħamis filgħaxija mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għat-Turiżmu, Ian Borg, u l-Ministru għat-Trasport, Chris Bonett.
Din il-pjazza fil-qalba tal-belt storika issa għandha dehra kompletament ġdida b’infrastruttura moderna, ħarsien sħiħ tal-patrimonju kulturali għani u aċċessibilità aħjar għall-Ġirbin u dawk kollha li jżuru din il-belt.

Dan il-proġett sar mill-aġenzija Infrastructure Malta b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, waqt li d-disinn tal-pjazza ta’ iżjed minn 2,000 metru kwadru, kien fdat f’idejn il-kumpanija speċjalizzata Studjurban.
Bix-xogħlijiet f’din il-pjazza kienu jinkludu t-tibdil tal-pajpijiet tal-ilma tax-xorb, xogħol ta’ titjib fis-sistema tad-drenaġġ u installazzjoni ta’ network ġdid għas-sistema tal-ilma tax-xita, flimkien ma’ arbuxelli u siġar ġodda.
F’dan ix-xogħol tneħħew ukoll il-linji tal-elettriku u s-servizzi minn mal-faċċati, sar xogħol preparatorju biex fil-futur jiġu installati charging pillars, ġie installat dawl ġdid u stands għar-roti.
Permezz tal-proġett, il-maġġoranza tal-pjazza issa saret waħda pedonali.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal li permezz ta’ proġetti bħal dawn togħla l-kwalità tal-ħajja tal-komunità kif ukoll l-esperjenza tal-eluf ta’ turisti li jżuru l-akwati.
“Dak li sar fil-Birgu u li qed nagħmlu ma’ entitajiet, bħal Infrastructure Malta, l-Awtorità tat-Turiżmu, fi bliet oħrajn, hu li ntejbu l-kwalità, liema kwalità titgawda mit-turisti li jagħżlu li jżuruna.”
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

Il-Ministru Chris Bonett spjega li din il-pjazza se sservi ta’ mudell għal kif l-infrastruttura moderna u l-preservazzjoni storika jistgħu jimxu id f’id.
“Ir-riġenerazzjoni ta’ din il-pjazza jidħol fil-viżjoni li kellu l-Gvern fil-manifest elettorali tal-2022 u anke l-viżjoni futura fejn nixtiequ mmorru li huma l-pjazez fl-irħula u l-ibliet tagħna.”
Il-Ministru Chris Bonett
Il-Kunsill Lokali, permezz tas-Sindku John Boxall, laqa’ dan il-proġett, li jirrappreżenta investiment sinifikanti fil-belt.
Ġie spjegat li, minħabba s-sensittività mill-aspett arkeoloġiku, ix-xogħlijiet kollha ta’ skavar u restawr saru taħt is-superviżjoni stretta ta’ monitoraġġ. Il-materjali oriġinali tal-pavimentar skopert fiż-żona tal-Collachio ġie ppriservat u inkorporat fid-disinn il-ġdid.
Waqt ix-xogħlijiet, instabu diversi ġibjuni li, matul is-snin kienu ntelqu, kif ukoll żewġ ċisterni fuq iż-żewġ naħat tal-ġibjun ewlieni taħt il-pjazza. Dawn tnaddfu u qed jintużaw bħala parti mis-sistema l-ġdida tan-netwerk tal-ilma tax-xita, li se taħżen l-ilma fihom biex jintużaw skont il-bżonn.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef.