Ir-residenti Naxxarin jistgħu jgawdu mill-ġdid il-Mitħna tal-Għaqba, wara li ġiet irrestawrata għall-istat oriġinali tagħha hekk kif inbniet aktar minn 300 sena ilu.
Ix-xogħol fuq din il-mitħna sewa madwar €1.5 miljun bejn fondi tal-Awtorità tal-Ippjanar, skemi għall-kunsilli lokali u fondi Ewropej.
Il-mitħna hija mibnija b’ġebla tal-franka, mill-fondazzjoni tal-GranMastru Perellos fl-1710, u hija miftuxa fuq żewġ sulari.
Il-proġett iħares ukoll aspett kulturali fejn parti mill-binja se sservi wkoll ta’ ċentru kulturali fil-komunità u attrazzjoni turistika.
L-inawgurazzjoni saret mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar u għaliha kienu preżenti l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.
Is-Sindku tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami, qalet li permezz ta’ dan il-proġett, il-mitħna reġgħet ġiet irrestawrata għall-istat oriġinali tagħha.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li l-Awtorità tal-Ippjanar iffinanzjat ’il fuq minn €400,000 mill-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp sabiex sar restawr sħiħ tal-makkinarju tal-mitħna, u r-rikostruzzjoni u l-installazzjoni ta’ rdieden ġodda.
Il-Ministru żied jgħid li qed iħares ‘il quddiem għal proġetti simili biex ikompi jiġi mġedded l-impenn ta’ dan il-Gvern favur il-preservazzjoni tal-wirt kulturali u ambjentali.
“Investiment ta’ erba’ mitt elf ewro, flimkien ma investimenti oħrajn, li permezz tiegħu din il-mitħna reġgħet ingħatat il-ħajja mill-ġdid. Dan huwa mod kif ninvestu fondi ġejjin mill-Awtorità tal-Ippjanar biex insebħu l-lokalitajiet u fuq kollox nagħtu ħarsien lil wirt storiku ta’ pajjiżna.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-proġett sar b’investiment ta’ €678,000 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Huwa żied jgħid li b’dan il-proġett, il-lokalità tan-Naxxar irnexxielha tirrestawra din il-mitħna li issa reġgħet ġiet fil-glorja tagħha u ser isservi ta’ attrazzjoni kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti, hekk kif huwa stmat li se jkun hawn mat-3,900 viżitatur fis-sena li jżur il-mitħna.