B’investiment ta’ €2.3 miljun ġie inawgurat il-pont li jinsab fi Vjal l-Avjazzjoni, li issa ser ikun qed jgħaqqad flimkien l-akwati ta’ Ħal Luqa, il-Gudja, l-Ajruport u l-Istitut tal-istudji turistiċi, l-ITS.
Il-pont, li huwa twil erbgħa u tletin metru u qiegħed f’għoli ta’ seba metri mit-triq, ser jassigura aċċess sigur għal min jimxi u għaċ-ċiklisti.
Il-pont jinkludi ukoll rampa u lift fuq kull naħa, konformi mal-linja gwida tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilta’.
Għal dawk li jagħmlu użu mit-transport pubbliku, hemm ukoll bus stop qrib il-pont.
Sabiex titħaddar iż-żona tħawwlu ħmistax-il siġra indiġena u mija u tletin arbuxell.
Is-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri u s-Sindku tal-Gudja Marija Sara Vella tkellmu dwar l-importanza ta’ dan il-proġett għar-residenti.
John Schembri qal “Dan il-proġett kienet iniżjattiva tajba pożittiva ħafna li huwa intiż b’mod speċjali għal dawk in-nies illi ta’ kull filgħodu jgħaddu minn hawn jagħmlu l-passiġġati. Kif ukoll anke l-ħaddiema tal ITS”. Filwaqt li Marija Sara Vella qalet “Napprezzaw ħafna x-xogħol li sar f’dan il-proġett għax għalina tana aktar aċċess kemm għal Ħal Luqa kif ukoll għall-irħula l-oħra. Ta aċċess lir-residenti tagħna li jaqsmu b’mod sigur.”
Waqt l-inawgurazzjoni l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg, qal li tlett snin mindu dan il-gvern reġa ngħata mandat ieħor ta’ ħidma, b’investiment ta’ seba mitt miljun ewro qed nbiddlu wiċċ pajjiżna.
Fakkar ukoll fi proġetti oħra li qed taħdem fuqhom Infrastruttura Malta, proġetti li qed issarfu f’infrastruttura aħjar u sigura.
“Dan il-pont fi Vjal l-Avjazzjoni ġewwa Ħal Luqa mhux l-unika wieħed miegħu hemm ukoll investimenti li qed nagħmlu Blata l-Bajda li huwa crossing illi jigi utilizzat minn ħafna nies, speċjalment dawk li juzaw imbagħad it-trasport pubbliku, kif ukoll l-iehor li qed naħdmu fuqu li huwa fit-telgħa ta’ Raħal il-Ġdid fi Triq Dom Mintoff fejn hemmhekk jiġi utilizzat min nies tal-MCAST, enventwalment anke nies li jgħixu f’dawk id-djar. Dan huwa investiment mhux wieħed imma huwa investiment wiesgħa u kif għedt tajjeb inti fejn qed inħarsu s-sigurta fit-toroq tagħna.”