B’investiment ta’ €100,000, Malta għandha l-ewwel mużew tal-melħ fis-Salina, fejn qed jittella’ Open Weekend, bejn is-Sibt u l-Ħadd, mill-erbgħa sat-tmienja ta’ filgħaxija, b’divertiment għall-familja kollha.
Dan bil-għan li mhux biss titfakkar l-istorja tal-produzzjoni tal-melħ f’Malta, imma tiġi ppriservata l-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna.
Dan il-proġett sar b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Ambjent Malta, u Birdlife Malta, b’appoġġ finanzjarju mill-Fondazzjoni Gal Majjistral.
Il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana inawguraw il-Mużew tal-Melħ fis-Salina l-Ġimgħa filgħaxija.
“Inħeġġu lin-nies u l-familja, li jiġu hawnhekk fis-Salini, ħalli jgawdu l-mużew tal-melħ u anke n-natura li hawn hawnhekku anke jaraw is-salini kif jinġabar il-melħ, kemm fl-antik u anke llum il-ġurnata.”
Is-salini tal-melħ f’dawn l-inħawi nbnew mill-Kavallieri ta’ San Ġwann fis-seklu sittax u l-kumpless jinkludi numru ta’ strutturi tal-injam li kienu nbnew mill-ġdid mill-Ingliżi.
Is-Salina kienet ġiet irrestawrata f’fondi Ewropej u s-sit huwa protett bħala parti min-network Natura 2000 waqt li huwa wkoll ikklassifikat bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni.
Waqt dan l-Open Weekend dawk li jżuru s-sit se jkunu jistgħu jipparteċipaw f’numru ta’ attivitajiet, li jinkludu stands marbutin mas-snajja’ tradizzjonali u l-artiġjanat; sessjonijiet dwar in-natura; workshops; u sessjonijiet ta’ pot-painting.
Il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi l-veduti sbieħ tas-salini tal-melħ waqt li jiskopri aktar dwar l-istorja u l-patrimonju rikk tal-produzzjoni tal-melħ.