Fiċ-ċentru taċ-Ċittadella, f’Għawdex, ġie inawgurat mudell tridimensjonali ta’ din il-belt qadima fortifikata.
Il-mudell, li huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu fil-gżejjer Maltin, jinsab fuq iċ-Ċentru tal-Viżitaturi,u mal-ġnub tiegħu hemm skrizzjonijiet li jinkludu informazzjoni bil-Malti, bl-Ingliż, u bil-Braille. Il-verżjoni bil-Braille saret bl-appoġġ tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fit-Teknoloġija tal-Informatika.
Kien il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, li inawgura l-mudell, fil-preżenza, fost l-oħrajn, tad-Direttur għall-Wirt Kulturali, John Xuereb, u l-Perit Matthew Joseph Casha.
Il-Perit Matthew Joseph Casha spjega li l-mudell tal-bronż inizzjalment sar fil-plastik permezz ta’ skenn tridimensjonali preċedenti taċ-Ċittadella li kien sar mill-Professur Saviour Formosa mill-Università ta’ Malta. Il-mudell artistiku tridimensjonali fil-plastik, ta’ madwar 160 ċentimetru kwadrat, ġie stampat u ntbagħat lid-Domus Dei Fonderia Artistica 1963 f’Ruma biex isir fil-bronż.
Qal, ‘Eventwalment, imbagħad, meta ħareġ il-mudell tal-bronż, konna għamilna anke site visiting, rajna l-mudell kif inhu, tajnieh it-textures li aħna xtaqna, biex imbagħad eventwalment jiġi jingħata l-finish tiegħu u eventwalment, meta wasal Malta, tqiegħed f’postu’.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li permezz ta’ dan il-proġett qed ikompli jintwera li ċ-Ċittadella hu post storiku ħaj li qed jibqa’ jevolvi u li jibqa’ jagħti l-aqwa prodott lil dawk kollha li jżuru Għawdex. Qal ukoll li din l-inizjattiva, li swiet €80,000, hija turija oħra tal-impenn tal-Gvern li jtejjeb b’kull mod possibbli l-aċċessibbiltà fl-attrazzjonijiet kulturali.
Stqarr, ‘Aktar minn hekk ukoll, dan se jagħti l-opportunità lil dawk kollha neqsin mid-dawl sabiex, fl-aħħar mil-aħħar, ikunu qegħdin jaraw kif inhi verament iċ-Ċittadella.’