Wara ċerimonja komemorattiva, illejla fi Pjazza Kastilja għadu kemm ġie inawgurat il-monument tal-Perit Duminku Mintoff, xogħol l-artist Noel Galea Bason.
L-eks Prim Ministru Dom Mintoff jibqá magħruf għall-kisbiet kbar li mmodernizzaw pajjiż f’kull aspett fosthom dak ekonomiku u soċjali. Mintoff jibqa’ meqjus bħala l-arkitett ta’ Malta ħielsa u li tul il-ħajja pubblika tiegħu ħadem fuq proġetti soċjali li għollew iż-żgħir.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat li f’diskors tal-okkażjoni ddeskriva lil Perit Mintoff bħala personaġġ ta’ elf lewn, iżda r-relevanza tiegħu il-viżjoni li kellu fiż-żmien fejn kien hemm bżonnijiet differenti f’pajjiżna, fejn id-deċiżjonijiet kienu mnebbħa minn ċirkustanzi li mhumiex l-istess bħal tal-llum.
“Mhux faċli li dak li tkellem fuqu bniedem li twieled mija u sentejn sena ilu jibá relevanti u kontemporanju. Trid tkun ġgant. kif kien u għadu l-Perit Mintoff.” Hekk iddeskriva l-vjaġġ politiku tal-Perit Mintoff, il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Intant propju wara t-trażmissjoni ta’ din iċ-ċerimonja, ONE HD se jxandar programm speċjali mtellá mill-ġurnalist Edward Montebello fejn fost oħrajn se jkollu preżenti lil Profs. Ray Mangion, Charles Sacco u Mark Camilleri.