Ftit tal-ħin ilu ġie inawgurat mafkar b’tifkira tal-mibki Oliver Friggieri f’raħal twelidu, il-Furjana, ftit passi ’l bogħod ukoll mill-monument b’tifkira tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm.
Il-Professur Friggieri miet nhar il-21 ta’ Novembru 2020 fl-għomor ta’ tlieta u sebgħin sena, waqt li l-funeral tiegħu seħħ erbat ijiem wara hekk kif pajjiżna wkoll osserva jum ta’ luttu nazzjonali.
Il-monument kien ikkummissjonat mill-Istat u f’diskors tal-okkażjoni llejla, il-Prim Ministru ddeskriva lil Friggieri bħala ġgant tal-letteratura Maltija u persuna li dejjem għaqqad u ħadem kontra l-firda u biex Malta u l-Ilsien Malti jimxu ’l quddiem.
Iċ-ċerimonja, li għaliha kienu preżenti wkoll il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u ċ-Chairperson ta’ Heritage Malta Mario Cutajar, flimkien ma’ qraba u ħbieb tal-Professur, inkludiet numru ta’ interpretazzjonijiet minn xogħolu.