Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti inawgura uffiċjalment il-Mobile Unit tal-Fondazzjoni Cancer Research and Innovation Hub Malta (CRIHM). Din l-inizjattiva, li ser iddur madwar Malta u Għawdex, hija mfassla biex twassal aktar għarfien u tqajjem kuxjenza dwar il-prevenzjoni tal-kanċer fil-komunitajiet kollha.
Dan il-Mobile Unit se jkun qed joffri informazzjoni dwar skrinjar, prevenzjoni, u għajxien b’saħħtu, filwaqt li jkompli jsaħħaħ ir-riċerka dwar il-kanċer f’Malta. Huwa proġett importanti li jikkumplimenta l-inizjattivi u r-riżorsi diġà fis-seħħ biex tkompli tiżdied il-ħidma fil-ġlieda kontra l-kanċer.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/07112523/pr250208b-1024x711.jpg)
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti sostna li dan il-proġett juri l-impenn tal-gvern lejn it-tisħiħ tal-edukazzjoni u r-riċerka f’dan il-qasam tant kruċjali. Huwa kompla jisħaq fuq l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn biex jiżdied aktar għarfien dwar il-kanċer.
“Il-kanċer jibqa’ sfida globali li qed niffaċċjaw, u għalhekk irridu nkomplu ninvestu fil-prevenzjoni, l-iskrinjar u t-trattament. Permezz ta’ dan il-Mobile Unit, se nkunu qed inwasslu l-informazzjoni direttament lin-nies, u ninkoraġġuhom biex jieħdu azzjoni favur is-saħħa tagħhom. Il-gvern qed ikompli jinvesti f’dan is-settur, b’fondi li din is-sena laħqu l-miljun ewro għar-riċerka fuq il-kanċer,” temm jgħid is-segretarju parlamentari.
Min-naħa tiegħu, Prof. Christian Scerri, Chairman tal-CRIHM, enfasizza r-rwol kruċjali ta’ din l-inizjattiva. “Ir-riċerka turi li meta l-kanċer jinqabad fi stadju bikri, ir-rata ta’ sopravvivenza tiżdied b’mod sinifikanti. Dan il-Mobile Unit se jservi bħala pjattaforma edukattiva biex inħeġġu aktar nies jieħdu passi konkreti għas-saħħa tagħhom. Dan huwa pass ieħor lejn ħidma innovattiva li tista’ ssalva l-ħajjiet.”
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/07112513/pr250208c-1024x724.jpg)
Din l-inizjattiva qed titwettaq f’kollaborazzjoni ma’ Ħamrun Ħanin, li qed joffru l-appoġġ tagħhom biex dan il-Mobile Unit jilħaq kemm jista’ jkun nies fil-komunità, permezz tal-proġett tagħhom Sports Unity. L-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom huma ta’ valur kbir f’din il-missjoni ta’ għarfien u prevenzjoni, b’mod partikolari fil-qasam sportiv.
Iċ-Chairman ta’ Ħamrun Ħanin, Ian Debattista, qal: “Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ dak li nemmnu fih, li l-isport jista’ jagħti kontribut biex nagħmlu ġid fis-soċjetà ta’ madwarna. Permezz tal-proġett Sports Unity, li permezz tiegħu Ħamrun Ħanin għaqdet magħha klabbs differenti f’pajjiżna, qed nuru wkoll li fl-għaqda hemm is-saħħa, u kburin li l-ewwel inizjattiva ewlenija hija proprju waħda li tgħin fil-ġlieda kontra l-kanċer”.