Fil-Valletta Waterfront infetaħ uffiċjalment il-Konsolat Onorarju tal-Messiku.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg iddeskriva dan bħala pass għaqli għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżna.
Huwa żied jgħid kif matul dawn l-aħħar 27 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi, iż-żewġ pajjiżi żviluppaw kooperazzjoni mill-qrib bil-għan li jgawdu l-popli taż-żewġ pajjiżi, lil hinn mid-differenzi ġeografiċi.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin fisser l-għatx qawwi għan-negozju u l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi u aċċenna wkoll għal opportunitajiet b’saħħithom fejn flimkien jistgħu jikkollaboraw, anke fejn tidħol il-loġistika u t-trasport.
Il-Ministru Borg, żied jgħid kif jemmen li permezz ta’ dan il-Konsolat Onorarju hemm potenzjal ukoll fil-qasam tal-kultura.
Huwa qal li bħala membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, pajjiżna għandu l-għan li jikkollabora mal-Messiku anke fid-dawl tal-isfidi globali li d-dinja qed tiffaċċja, hekk kif Malta tibqa’ promotur ewlieni tal-paċi, is-sigurtà u l-prosperità.
Huwa qal li Malta se tkun ukoll qed tkompli timbotta favur relazzjoni aktar tanġibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Messiku bħala sieħeb ewlieni fl-Amerika Latina.
“Il-politika barranija tagħna titlaq lil hinn mill-kontinent, mill-Unjoni Ewropea, mir-reġjun tagħna, l-importanza tal-Mediterran għaliex irridu nkomplu nsaħħu r-relazzjoni tagħna mal-kumplament tad-dinja.”
Din il-Ġimgħa l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Ambaxxatur tal-Messiku għal pajjiżna.