F’Istanbul, it-Turkija, ġew inawgurati l-uffiċini l-ġodda tal-Konsulat Ġenerali ta’ Malta.
Istanbul hija l-iktar belt ekonomikament attiva fit-Turkija u għandha konnessjoni diretta mal-qasam marittimu, li jagħmilha importanti ħafna għalMalta li jkollha preżenza b’saħħitha u effiċjenti fiha.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ,Ian Borg, attenda għal din l-okkażjoni u qal li huwa ta’ unur għal pajjiżna li jkompli jsaħħaħ il-preżenza tiegħu f’din il-belt.
Huwa qal li, fl-aħħar snin, permezz tal-konsulat, ġew assistiti numru ta’ viżitaturi Maltin fit-Turkija u rnexxielhom jinħolqu relazzjonijiet ta’ kummerċ b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin fakkar fl-irwol importanti li dan il-konsulat ġenerali għandu, b’mod partikolari fejn tidħol il-ħidma konsulari bħal ċittadinanza, viżi, u passaporti.
“Hawnhekk, mill-Konsulat, jingħataw numru ta’ servizzi, fosthom biex jiġu legalizzati d-dokumenti, il-Maltin li jkunu hawnhekk fuq btala jew ikollhom bżonn xi assistenza, imma anke dawk it-Torok li jkollhom ix-xewqa jew l-istedina li jinżlu pajjiżna, sew jekk biex jaħdmu jew anke biex jistudjaw l-Ingliż.”
Huwa kompla jgħid li, permezz ta’ dan il-konsulat ġenerali ta’ pajjiż li huwa membru tal-Unjoni Ewropea, hemm potenzjal qawwi li tkun stabbilita aktar ħidma konġunta relatata man-negozju.
“Għandna wkoll komunità importanti ta’ nies fin-negozju tax-shipping, u allura r-reġistru marittimu tagħna, li huwa l-ikbar fl-Ewropa u s-sitt l-ikbar fid-dinja, għandu numru importanti ta’ sidien ta’ bastimenti fit-Turkija, u allura dik il-komunità tieħu numru ta’ servizzi minn dawn l-uffiċini wkoll.”
Il-Ministru Borg irringrazzja lill-Konslu Ġenerali Walter Mallia flimkien mal-Ambaxxatur ta’ Malta għat-Turkija, Theresa Cutajar, għall-ħidma tagħhom f’dan il-pajjiż tant importanti.
L-Ambaxxatur Cutajar u l-Konslu Ġenerali Mallia irrimarkaw li din l-inawgurazzjoni hija turija oħra tar-relazzjonijiet pożittivi li teżisti bejn pajjiżna u t-Turkija kif ukoll pass ieħor li potenzjalment ikompli jiftaħ il-bibien għall-aktar opportunitajiet ġodda.