Il-Klabb tar-Regatta f’ Bormla kienu ilhu mitluq għal divesi snin mingħajr qatt ma ttieħdet azzjoni fuqhu. Madankollu kien fil-ħsieb tal-Gvern li meta jkun lest Baċir Numru wieħed issir rinovazzjoni sħiħa ta’ dan il-klabb li jinsab propju ħdejn Baċir Numru Wieħed f’ Bormla.
Ftit jiem qabel ir-regatta tradizzjonali tat-tmienja ta’ Settembru l-Bormliżi diġa’ ċċelebraw. Mhijiex ir-rebħ tax-shield iżda daqstant ieħor importanti għax il-klabb ta’ Bormla issa għandu sit isbaħ fejn jiltaqa. Proġett ieħor fin-nofsinhar ta’ Malta li sar bl-appoġġ tal-gvern, li primarjament prova l-ħaddiema.
Ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu fi twaqqiegħ ta’ xi kmamar, tiswija tas-soqfa, dawl u ilma u kif ukoll spazju ġdid fejn issir it-taħriġ fiżiku tal-qaddiefa. Dan kollu jfisser li l-aħħar taħriġ għar-regatta ta’ Jum il-Vitorja se jsir f’ ambjent aħjar mis-snin ta’ qabel.
L-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett saret mill-Ministru għall-Infrastruttura Joe Mizzi fejn qal li dan il-proġett se jikkumplimenta l-proġett ta’ Baċir Numru wieħed. U għalhekk dan iservi bħala fażi oħra mir-riġenerazzjoni tal-Kottonera.
Huwa qal l l-problemi strutturali f’ din il-binja kienu ilhom hemm madankollu qatt ma ttieħdet azzjoni u sostna li l-klabb ma setax jagħmel dawn ix-xogħlijiet waħdu.