Ġie inawgurat il-ground tal-football tal-5-a-side fil-Junior College b’investiment ta’ madwar €128,000, proġett li jinkludi installazzjoni ta’ ħaxix artifiċjali, dawl ġdid, u fencing mal-madwar.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, filwaqt li faħħar il-ħidma konġunta li saret bejn il-Prinċipal tal-Kulleġġ, il-Kunsill tal-Istudenti tal-Junior College u s-Segretarjat, saħaq kif dan il-proġett huwa parti mill-ħidma tal-gvern preżenti biex jagħti iktar importanza lill-isport fil-qasam tal-edukazzjoni u b’hekk l-iskejjel ikollhom faċilitajiet adekwati biex l-istudenti jżommu aktar attivi.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar kif il-gvern, flimkien mal-Kumitat Olimpiku Malti, ser ikun qed ifassal strateġija nazzjonali għall-isport għall-għaxar snin li ġejjin bl-għan li pajjiżna jikseb iktar rebħ u medalji fil-manifestazzjonijiet sportivi internazzjonali.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta Alfred Vella saħaq kif proġetti bħal dawn qed ikomplu jressqu l-isport iżjed viċin tal-edukazzjoni u b’hekk ikun qed jitkabbar l-għarfien dwar l-importanza tal-isport u l-attività fiżika.
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ Paul Xuereb spjega kif il-Junior College toffri esperjenza u opportunità lill-istudenti tagħha sabiex jiżviluppaw b’mod sħiħ. Il-prinċipal saħaq li fil-kulleġġ tingħata importanza kbira lill-isport u l-attività fiżika, u li fil-fatt tul dawn l-aħħar snin sar titjib sostanzjali fil-faċilitajiet sportivi ġewwa dan il-kulleġġ.
Min-naħa tiegħu, l-eks President tal-Kunsill Studenti Junior College Isaac Koroma spjega kif l-idea wara dan l-investiment ġiet minn proposta li kienet għamlet l-għaqda studenteska Pulse fil-manifest għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Studenti Junior College.