“Aħna impenjati biex niżguraw kultura aċċessibbli u inklussiva għal kulħadd u VIVA qed jikkontribwixxi biex l-arti u l-kultura jkunu eqreb tal-komunità”, qal il-Ministru Owen Bonnici waqt li żar il-festival kontemporanju tal-arti viżiva, VIVA 2018 flimkien maċ-Chairman ta’ Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai.
Magħmul minn ħdax-il esebizzjoni u avvenimenti addizzjonali u diversi tours fil-kumpanija tal-kuraturi nfushom, VIVA 2018 jinkludi iżjed minn 50 artist f’kollaborazzjoni mal-kuraturi, mal-pjanifikaturi urbani, mar-riċerkaturi u mal-edukaturi biex jiġi organizzat festival ta’ xahrejn, b’dimensjoni internazzjonali b’saħħitha.
Il-Ministru Bonnici spjega li VIVA issa hu festival li stabbilixxa sew u li l-kollaborazzjonijiet frott dan il-festival u l-iżviluppi fit-tul ta’ proġetti differenti jiżguraw preżenza mifruxa fi ħdan ix-xena tal-arti viżiva f’Malta.Żied jgħid li “s-suċċess ta’ dan il-festival qed jagħti kontribut għall-viżjoni tal-futur ta’ dan is-settur kif ukoll qed jipprovdi legat b’saħħtu għas-snin li ġejjin filwaqt li jservi ta’ pjattaforma għal artisti emerġenti kif ukoll għal dawk stabbiliti”.
It-tema magħżula għal VIVA ta’ din is-sena – il-multipliċità –tindirizza t-tip ta’ xogħlijiet li ntgħażlu għall-festival u għall-għadd ta’ ħaddiema li dejjem qed jiżdied fix-xena artistika viżiva f’Malta.
Spazju Kreattiv bħalissa qed jospita European Eyes on Japan f’kollaborazzjoni ma’ Valletta2018, Imagine Water, Catch the Drop, f’kollaborazzjoni ma’ HSBC Malta, uWiN tal-Artist Żagħżugħ tas-Sena Matthew Schembri.
Iċ-Chairman ta’ Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai spjega li VIVA qed iservi ta’ pjattaforma b’saħħitha għall-arti kontemporanja f’Malta billi jesebixxi x-xogħol ta’ artisti viżivi kontemporanji Maltin daqskemm internazzjonali. Flimkien mas-serjeArt Additives, VIVA 2018 qed jipprovdi spazju lill-artisti, lill-kuraturi u lil individwi kreattivi biex jikkollaboraw, jinvestigaw u jiddeliberaw.
Esebizzjonijiet li se jiftħu iktar tard matul il-festival jinkludu Fluid Space, f’kollaborazzjoni ma’ Fondazzjoni Gabriel Caruana, The ‘Tao’ of Nature flimkien maċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta u l-esebizzjoni kollaborattiva (Met)afourisms. VIVA jasal fi tmiemu nhar is-27 ta’ Mejju.
VIVA 2018 għandu esebizzjonijiet fl-Iskola tal-Arti f’Malta, f’Palazzo Messina u fiċ-Ċentru Kulturali Ċiniż.
Iżjed informazzjoni tista’ tinkiseb minn viva.org.mt.