Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet l-inizjattiva ‘I Love Xlendi’, imtella’ mill-Kunsill Lokali tal-Munxar bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Kumitat tal-Kultura. ‘I love Xlendi’ tikkonsisti f’għadd ta’ attivitajiet fil-bajja pittoreska tax-Xlendi kull tmiem il-ġimgħa tul is-sajf fejn jispikka t-talent lokali.
Il-Ministru Justyne Caruana emfasizzat kemm huma importanti attivitajiet popolari bħal dawn fejn minbarra li jgawdi l-ġmiel naturali tax-Xlendi, wieħed ikun jista’ wkoll jirrikrea ruħu u jgawdi minn spettaklu varjat.
Barra minn hekk, il-Ministru Justyne Caruana saħqet li żoni turistiċi li huma ffrekwentati iżjed matul is-sajf, għandhom sfidi akbar biex jinżammu nodfa u għandha tingħatalhom aktar attenzjoni. Fil-fatt il-Ministru ħabbret li fix-Xlendi u f’Marsalforn, apparti servizzi diversi relatati mat-tindif li jsiru kuljum, se jsir ukoll ġbir ieħor ta’ skart fil-borża s-sewda kuljum filgħaxija. B’din l-inizjattiva tal-Ministeru, dan is-servizz ġdid beda mit-8 Lulju u sar b’investiment li jlaħħaq eluf ta’ Ewro.
Is-Sindku tal-Munxar Carmen Said irringrazjat lill-Ministru għall-għajnuna kbira li ta l- Ministeru għal Għawdex għal din l-inizjattiva. Hija semmiet ukoll l-appoġġ li jsib il-Kunsill b’servizzi mill-istess Ministeru, bħall- beach cleaners, ħaddiema tal-manutenzjoni, tindif ta’ toroq u aktar u aktar din iż-żieda tas-servizz tal-ġbir tal-iskart filgħaxija. Is-Sindku apprezzat dan l-impenn li l-Ministru ħadet għalkemm għadha fl-ewwel jiem tal-kariga ġdida tagħha.
Iċ-Chairman tal-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi s-Sur Mark Busuttil, spjega kif dan il-programm ‘I love Xlendi’ huwa mimli daqs bajda b’tal-inqas attività waħda kull ġimgħa bejn l-1 ta’ Lulju u s-16 ta’ Settembru.
Il-Ministru Justyne Caruana awgurat li ħafna Għawdxin, kif ukoll Maltin u turisti japprezzaw din l-inizjattiva u jabbinaw il-ġmiel naturali u l-faċilitajiet turistiċi tax-Xlendi mal-esperjenza kulturali li programm sajfi bħal dan jista’ joffri lil kulħadd.
Ritratti: MGOZ