B’investiment ta’ tmien milljun ewro ġie inawgurat il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta. Aktar min-nofs il-fondi li ntużaw għal dan il-proġett kienu ffinanzjati minn fondi Ewropej.
Dan il-bejt jikkonsisti f’żona ta’ elf u mitt metru kwadru.
Minbarra xogħol ta’ tisbiħ u rinovar tal-bejt, inkluż ma’ dan l-investiment hemm il-mużew virtwali li ġie mniedi ftit tal-ġimgħat ilu, l-installazzjoni tal-arja kkundizzjonata u teknoloġiji ġodda fil-qasam tal-konferenzi fil-binja ta’ Dar il-Mediterran fost l-oħrajn.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran, Pierre Fenech qal li dan huwa proġett importanti għall-industrija tat-turiżmu, b’mod partikolari fejn jidħol is-settur tal-avvenimenti u tal-konferenzi
Huwa spjega: “Ħa nkunu qed noffru prodott uniku, fejn għandek post fejn tagħmel event fuq barra, kif ukoll għandek back up illi huwa tal-istess size fuq ġewwa.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli fissret dan il-proġett bħala wieħed bilanċjat fejn sar ir-restawr u ġie mmodernizzat il-post.
Hija qalet: “Li hemm sabiħ f’dan il-proġett huwa illi anke l-UNESCO ddeskriviet dan il-proġett bħala best practice anke għall-mod ta’ kif ibbilanċjajna t-testawr li sar mal-kumplament tal-immodernizzar li sar fih.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-għan ta’ dan il-proġett huwa li nibnu fuq il-wirt storiku ta’ pajjiżna biex b’hekk jissaħħaħ il-prodott turistiku Malti.
Huwa sostna: “F’pajjiżna mhux biss inkomplu nħarsu l-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna iżda wkoll inkomplu nżidu l-faċilitajiet turistiċi ta’ pajjiżna.”
Kenneth Spiteri, Chairman ta’ Dar il-Mediterran, irringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw s-sehem tiegħu biex dan il-proġett seta’ jitwettaq.
Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit.