Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura uffiċjalment iċ-Ċentru terapewtiku f’tal-Ibwar li ser ikun qed jgħin lil addoloxxenti li qed jiġġieldu l-vizzju tad-droga. Dan b’investiment mill-Gvern ta’ €4 miljun u b’nefqa rikorrenti ta’ miljun ewro fis-sena.
F’ċelebrazzjoni tal-inawgurazzjoni l-Prim Ministru stqarr kif għal Gvern b’ruħ soċjali dan kien proġett importanti ħafna li permezz tiegħu qed ikun assigurat li ħadd ma jintesa u kulħadd isib l-għajnuna meħtieġa. Stqarr kif l-għan ewlieni jibqa’ wieħed, li ħadd ma jkun iġġudikat u meqjus ta’ kriminal meta mhuwiex.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Caritas Anthony Gatt stqarr kif f’dan iċ-ċentru żgħażagħ li qed jaffaċċjaw problemi serji minħabba l-vizzju tad-droga jistgħu jsibu l-għajnuna permezz ta’ tliet programmi differenti li huma offruti f’dan iċ-ċentru. Huwa rringrazzja wkoll lill-president Emeritu George Abela li huwa wkoll il-viċi Chairperson tal-bord tad-Diretturi tal-fondazzjoni Caritas, hekk kif fi kliemu dan il-proġett ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna tiegħu.
L-arċisqof Charles Scicluna wkoll irringrazzja lill-istat ta’ dan l-investiment sabiex iż-żgħażagħ li għandhom bżonn, ikunu mgħejjuna sabiex jiksbu lura r-riedni ta’ ħajjithom f’idejhom.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon stqarr kif dan il-Gvern qed jara li ħadd ma jitħalla waħdu u li kull min għandu bżonn jingħata t-tieni ċans.