Ġewwa l-Għammieri, ġie inawgurat iċ-Ċentru tar-Riċerka u Innovazzjoni tal-Agrikoltura, fejn attendew il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Dan iċ-ċentru se jagħmel użu mill-aktar teknoloġija avvanzata tal-intelliġenza artificjali mmirata biex tgħin lill-bdiewa jindunaw bi problemi agrikoli fi stadji bikrin u b’hekk ikunu jistgħu jimxu ‘l quddiem b’mod effettiv mingħajr telf eċċessiv ta’ prodotti.
Is-Segretarju Parlamentari, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega l-potenzjal li għandha r-riċerka biex jissaħħaħ dan is-settur mingħajr ħtieġa ta’ impatt fuq l-ambjent.
“Se nkunu qiegħdin insaħħu r-riċerka kif ukoll aspetti ta’ innovazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura. Kif ġie mħabbar illum, hawn ġewwa l-Għammieri se jkun hawn numru ta’ attività ta’ monitoring li permezz tiegħu nkunu nistgħu ngħinu lil dawk kollha involuti f’dan il-qasam.” Stqarr is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi.
Fost affarjiet oħra, dan iċ-ċentru se jagħmel użu mill-intelliġenza artifiċjali sabiex jitbassar b’mod preċiż mard fuq pjanti.
Din hija biss waħda mill-applikazzjonijiet ta’ din it-teknoloġija li se tkun ta’ għajnuna għall-ħaddiem bieżel f’dan is-settur.
Spjega dan b’sodisfazzjon il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo.
“Huwa proġett illi permezz ta’ esperti u permezz ta’ data, aħna nkunu nistgħu nuru l-bidwi l-problemi li għandu fl-għelieqi tiegħu. Fis-sens illi qabel ma jkun jaf hu aħna ngħidulu, ‘Isma hemm għandek il-problemi, ara kif tirranġahom’. ” Temm jgħid il-Ministru Refalo.