Ġie inawgurat iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni, Kulturali u Edukattiv, flimkien ma’ xogħlijiet oħrajn, li saru fi Ġnien l-Istazzjon f’Ħ’Attard, b’valur totali ta’ €600,000 bħala parti mill-kampanja ‘Inwettqu Flimkien’.
Dan iċ-ċentru jinkludi librerija, żona għall-qari u faċilitajiet ta’ konvenjenza pubblika. Il-binja tlestiet bil-ġebla tal-franka, b’aperturi tal-injam u tal-aluminju u quddiemha ġiet installata canopy tal-ħadid maħduma apposta biex tfakkar kif kien il-bini tal-istazzjon fl-aħħar tas-Seklu Dsatax, bħala kenn għall-passiġġieri waqt li kienu jistennew il-ferrovija.
Qal, “Warajna wkoll hawn l-istruttura tal-ferrovija, hi replika eżatta fejn is-Sur Stephen għadu kemm tahielna din u kellna nagħmlulha din l-istruttura biex tilqa’ mill-elementi tan-natura, li wkoll ġew minn fondi mogħtija mill-Planning Development Fund.”
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri qal li l-Awtorità tal-Ippjanar iffinanzjat madwar €200,000 għall-kostruzzjoni u t-tlestija taċ-Ċentru ta’ Informazzjoni, Kulturali u Edukattiv fi Ġnien l-Istazzjon u madwar €32,000 biex ġie installat kompartament tal-azzar li fih jinsab miżmum il-mudell tal-ferrovija.
Filwaqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu li, permezz tad-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar, qegħdin jiġu ffinanzjati diversi proġetti komunitarji madwar Malta u Għawdex, il-Ministru temm billi jħeġġeġ aktar kunsilli joħorġu bi proġetti innovattivi li jistgħu jibbenefikaw minn dan il-fond għall-ġid tal-komunità kollha.
Qal, “Jiena, permezz ta’ dan il-proġett, inħeġġeġ kunsilli oħrajn biex jagħmlu użu minnu biex iwettqu proġetti li forsi jirrikjedu aktar finanzjament u li proprju dan l-istess fond qiegħed hemmhekk apposta.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet kif dan il-proġett, sar bi sħab bejn il-Kunsill tal-istess lokalità u l-Awtorità tal-Ippjannar. B’hekk dan hu xhieda tal-impenn u l-fiduċja tal-Gvern fil-kunsilli lokali.
Qalet, “Il-Gvern hu likommess li jkompli jsostni lill-kunsilli lokali billi jipprovdi fondi addizzjonali bħalma huma d-Development Planning Fund, bħalma huma l-fondi maħruġa mill-LESA, u fondi Ewropej u anke skemi maħruġa mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali biex jgħinu lill-kunsilli lokali jwettqu proġetti fil-qalba tal-komunitajiet tagħna.”