Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, inawgura ċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tossikoloġija. Dan iċ-ċentru se joffri opportunitajiet u servizzi varji kemm lill-professjonisti kif ukoll lill-pazjenti.
Dan iċ-ċentru għandu diversi għanijiet, bl-ewwel wieħed ikun li dan jappoġġja lill-professjonisti li jipprovdu servizzi ta’ kura, l-aktar lill-ispeċjalisti fl-emerġenża u tal-mediċina. Minbarra hekk se jkun qed jaċċetta wkoll telefonati mill-pubbliku.
Il-Ministru semma li dan is-servizz jista’ jkun aċċessat bit-telefown fuq in-numru 1774, fejn kull ċittadin jista’ jċempel meta wieħed jaħseb li seta’ kien hemm avvelenament.
Qal, “F’sitwazzjoni ta’ avvelenament, aktar ma ssir djanjożi kmieni, aktar il-pazjent ikun jista’ jmur għall-aħjar. Jiena mill-esperjenza tiegħi bħala tabib ltqajt ma’ diversi każi ta’ persuni bi żball jixorbu, pereżempju, il-bleach. Din hi xi ħaġa importanti u kruċjali li s-suġġerimenti jsiru mill-ewwel, għax inkella l-pazjent jista’ saħansitra jitlef ħajtu.”
Waqt il-konferenza tkellmu ukoll professur li ħadem f’diversi ċentri barranin, Yedidia Betour, fejn dan semma li kważi għaxar snin ilu beda jaħdem mall-professjonisti Maltin, fejn raw l-importanza li ċentru bħal dan ikun sors ta’ tagħrif u riċerka.
Issemma wkoll li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tistma li, f’sena waħda, l-avvelenament mhux intenzjonat jikkawża aktar minn mitt elf mewt fid-dinja.
Mark Zammit, Professjonist tal-Farmaċewtika, spjega kif dan il-proġett se jkun qed iservi ta’ pont bejn id-dipartimenti kollha tas-settur tas-saħħa. Qal li waqt il-proċess ta’ kważi għoxrin sena li ilhom jaħdmu fuqu, ix-xogħol li sar se jsaffar f’aktar ħidma lejn il-pazjenti kollha u riċerka biex każi bħal dawn ikunu evitati u eventwalment ikkurati bl-aħjar mod.
Irringrazzja wkoll lill-Università ta’ Malta li tat l-opportunità biex jiġu inklużi suġġetti relatati mas-suġġett fil-korsijiet tal-mediċina u anke f’dawk legali, fejn anke saħansittra qed jiġu offruti korsijiet avvanzati fuq is-suġġett.
Id-Direttur Ġenerali tas-Saħħa, Dr Clarence Pace, spjega kif, meta l-pubbliku jċempel, se jingħata l-pariri professjonali li jkun hemm bżonn.
Qal, “Dawn il-każi jistgħu jvarjaw minn xi ħaġa sempliċi, bħal tingiża minn brama, għal xi ħadd li jkun xorob xi tip ta’ likwidu, bħal bleach, li ovvjament hi xi ħaġa aktar inkwetanti. Minn hemm l-esperti ħa jgħidulhom x’għandhom jagħmlu jew jagħtuhom parir dak il-ħin u jgħidulhom hemmx xi ħaġa x’jistgħu jagħmlu, inkella jibgħatuhom l-emerġenza biex jarawhom iżjed urġenti.”
Dan is-servizz se jkun miftuħ mit-Tnejn sal-Ħadd bejn it-tmienja ta’ filgħodu u t-tmienja ta’ filgħaxija, fejn imbagħad barra dawn il-ħinijiet se jkun hemm speċjalist li jista’ jsir kuntatt miegħu fuq l-istess numru – 1774.